Il-Gvern jiċħad li ċ-Ċaqnu se jħallas inqas taxxa u jgħid illi art li se jeħodlu għal proġett ta' housing mhux se jħallsu tagħha

Il-Ministeru tal-Finanzi jgħid illi storja li ċ-Ċaqnu se jħallas mat-€30 miljun inqas taxxa hija 'kompletament falza u bla bażi' u jispjega kif, fost oħrajn, il-Gvern se jieħu art taċ-Ċaqnu għal proġett ta' housing u minflok iħallsu l-flus se jpaċi parti mid-dejn

Charles Polidano, magħruf bħala ċ-Ċaqnu
Charles Polidano, magħruf bħala ċ-Ċaqnu

Il-Ministeru tal-Finanzi ċaħad li hemm xi ftehim bejn il-Gvern u Charles Polidano magħruf bħala ċ-Ċaqnu u fi stqarrija sostna li l-allegazzjonijiet li saru fuq il-gazzetta The Times li l-kont pendenti ta' taxxa dovuta minn Polidano, "tnaqqas għal inqas minn €10 miljuni (minn €40 miljun)" huma "kompletament foloz u bla bażi."

Il-Ministeru qal illi kif inhu magħruf pubblikament din l-entità għandha tħallas "ammonti sostanzjali ta' taxxa li jaqbżu l-miljuni, u li ilhom jinġemgħu fuq medda ta' 20 sena."  Il-Ministeru fakkar li l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana dejjem qal illi filwaqt li l-Gvern mhux se jżid t-taxxa, l-evażjoni trid tkun miġġielda.  "Il-prinċipju ta' moralità fiskali mhux se tinbidel ikun min ikun l-individwu u tkun liema tkun il-kumpanija."

Il-Ministeru ċaħad ukoll li hemm xi ftehim li jirrigwarda proprjetà (property-swap) u qal illi l-art li għaliha hemm ir-referenza titratta espressjoni ta' interess lura fl-2019 biex il-Gvern jieħu art li fuqha jiġi żviluppat proġett ta' housing soċjali u affordabbli.  "Wieħed mill-erba' proposti li irċeviet l-Awtorità ikkonsistiet f'2,000 metru kwadru ta' art f'Ħal Luqa li bħalissa hija ta' Polidano Properties, ħdejn art li diġà hija proprjetà tal-Awtorità tad-Djar. Din l-art kienet suġġetta għal evalwazzjoni u valutar mill-Kummissarju tat-Taxxi Interni, kif ukoll minn tliet periti mqabbdin mill-Kumitat ta' Evalwazzjoni.

"Fuq dan it-trasferiment l-Awtorità tad-Djar mhiex se tħallas il-prezz kummerċjali lil Polidano, imma se tgħaddi dan l-ammont illi kieku tħallas lilu, lill-istess Kummissarju tat-Taxxi Interni, bħala parti mill-ħlas li Polidano kellu jgħaddi lill-Gvern," qalet l-istqarrija.

"Iktar minn hekk it-taxxi kollha li kellhom jitħallsu ma' dan it-trasferiment se jitħallsu lill-Gvern."

Il-Ministeru qal li huwa sfortunat li ma saritx verifika tal-fatti u inkitbet storja fuq "asserzjonijiet skorretti" mingħajr ma ntalbet spjegazzjoni mingħand il-Ministeru.  "Gazzetta kredibbli, messha taf aħjar," qal il-Ministeru tal-Finanzi. 

'Il-Gvern mhux jagħti ebda skont fi ħlasijiet tat-taxxa' - Il-Ministru Clyde Caruana

F'messaġġ fuq Facebook il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana saħaq li huwa ta’ għajb għat-Times "li joħorġu din it-tip ta’ storja biex ikissru l-fiduċja bejn il-poplu u l-Gvern tiegħu. Fuq kull nejka jiġu jistaqsu elf mistoqsija iżda storja bħal din jagħzlu li ma jibagħtux mistoqsija waħda lill-Ministeru, ma jivverifikawx minn qabel u jipprintjaw storja b’aġenda moħbija biex sempliċement jinkazzaw lin-nies."

Caruana għamilha ċara li l-ebda discount jew tnaqqis mit-taxxa dovuta mhu se tingħata. "Ikun min ikun, żgħir jew kbir. Kull min għandu jħallas it-taxxa irid iħallasha skont il-liġi."

 

More in Politika