Virtu Ferries Gozo tħabbar il-prezzijiet għas-servizz ta' fast ferry bejn Għawdex u l-Belt

Is-servizz se jibda mill-1 ta' Ġunju li ġej bil-vjaġġ se jkun qed jieħu 45 minuta

Il-kumpanija Virtu Ferries Gozo ħabbret il-prezzijiet għas-servizz ta' fast ferry li se tkun qed toffri mill-1 ta' Ġunju bejn il-Belt u Għawdex.

L-adulti, iż-żgħażagħ u l-anzjani se jkunu qed iħallsu €12.00 bir-ritorn, filwaqt li t-tfal se jħallsu €6.00. Min ikollu t-Talinja Card se jħallas €11.00 bir-ritorn fil-każ tal-adulti, iż-żgħażagħ u l-anzjani u €5.50, fil-każ tat-tfal.

Għar-residenti Għawdxin, l-adulti, iż-żgħażagħ u l-anzjani se jkunu qed iħallsu €5.00, filwaqt li t-tfal se jħallsu €3.00. Min ikollu t-Talinja Card ta' Għawdex, se jħallas €4.60 bir-ritorn fil-każ tal-adulti, iż-żgħażagħ u l-anzjani u €2.70, fil-każ tat-tfal.

Virtu Ferries Gozo se tkun qed topera l-katamarani San Frangisk u San Pawl li kienu joperaw minn Malta għal Sqallija, fost oħrajn.

Fuq il-katamaran San Franġisk kien tela l-qaddis Papa San Ġwanni Pawlu II meta żar Malta fl-1990. San Pawl, mill-banda l-oħra, kien għabba lill-Papa Benedittu XVI fl-2010.

Il-vjaġġ se jkun qed jieħu 45 minuta.

Virtu Ferries hija magħrufa għar-rotta bejn Malta u Sqallija, Venezja u l-portijiet Adrijatiċi fil-Kroazja u l-Islovenja, bejn Spanja u l-Marokk u l-Karibew u l-Baħar l-Aħmar.

Apparti minn hekk, Virtu Ferries se tibda topera wkoll vjaġġi bejn La Spezia, Portovenera u ċ-Cinque Terre fl-Italja.

Is-servizz ta' fast ferry bejn il-Belt u Għawdex se jkun offrut ukoll mill-kumpanija Gozo Fast Ferry Ltd. Anke din il-kumpanija se tuża żewġ katamarani.

More in Politika