Il-PN jgħid li Robert Abela għandu jiskuża ruħu ma' Toni Bezzina

Hekk kif il-Kummissarju tal-Istandards ma sab l-ebda ħtija min-naħa tad-Deputat Nazzjonalist Toni Bezzina rigward allegazzjoni li mhux dieħel għax-xogħol, il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-Prim Ministru Robert Abela 'għandu jagħmel apoloġija pubblika'

Id-Deputat Nazzjonalist Toni Bezzina (Ritratt: Toni Bezzina/Facebook)
Id-Deputat Nazzjonalist Toni Bezzina (Ritratt: Toni Bezzina/Facebook)

Il-Partit Nazzjonalista qed jisħoq li l-Prim Ministru ta' Malta Robert Abela "għandu jagħmel apoloġija pubblika fil-konfront tad-Deputat tal-PN Toni Bezzina" hekk kif "il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika xejjen l-allegazzjonijiet kollha li għamel Abela fuq id-Deputat tal-PN u ma sab l-ebda irregolaritajiet jew ksur ta’ etika."

Il-Kummissarju Joseph Azzopardi kien qed jinvestiga lment mill-eks Uffiċjal tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Neville Gafà fejn fl-ilment talab lil Azzopardi biex jinvestiga l-allegazzjoni li għamel Abela, fejn il-Kap tal-Partit Laburista akkuża lil Bezzina li ma kienx qed jidħol għax-xogħol bħala perit mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Abela allega wkoll li Bezzina kien xorta waħda qed jaqla' l-paga waqt li beda jiskarta mix-xogħol mal-Gvern u fl-istess ħin kien qed jagħmel xogħol mal-privat minflok maċ-ċivil.

Fl-investigazzjoni tiegħu, il-Kummissarju ma sab l-ebda prova li Bezzina ma kienx qed jidħol għax-xogħol, u għalhekk iddeċieda favur id-Deputat Nazzjonalist fir-rapport tiegħu. Fl-istess ħin, rigward allegazzjonijiet simili li saru fil-konfront tad-Deputati Ivan Castillo u Robert Cutajar, Azzopardi tant kemm ma sabx evidenza għal dawn l-allegazzjonijiet li ddeċieda lanqas jiftaħ investigazzjoni.

Il-Kummissarju nnota wkoll li la Abela u lanqas Gafà ma pprovdew il-provi biex l-allegazzjonijiet li għamlu jistgħu jiġu ssostanzjati.

L-akkuża tal-Mexxej tal-PL ġiet waqt li kien hemm ħafna pressjoni pubblika fuq il-Partit Laburista fir-rigward tal-iskandlu tal-kuntratt li ngħata lil Amanda Muscat, il-mara tal-eks Ministru Clayton Bartolo.

Il-kuntratt ta' konsulenza, li kien mal-Ministeru ta' Clint Camilleri, wassal biex Bartolo kellu jirriżenja mill-politka. Minkejja li investigazzjoni mill-Kummissarju Azzopardi sabet li kemm Bartolo kif ukoll Camilleri kienu ħatja ta’ abbuż tal-poter u ksur tal-kodiċi tal-etika, Abela ddefenda lil Camilleri u b'hekk żamm il-kariga tiegħu.

Il-PN issa qed jgħid li eżatt kif Abela kien pront li "jattakka u jipprova jħammeġ" ir-reputazzjoni ta' Bezzina, issa għandu jkun pront ukoll biex jiskuża ruħu pubblikament.

L-Oppożizzjoni temmet billi qalet li din hija tattika tipika tal-Prim Ministru meta jinstab dahru mal-ħajt: "minflok jindirizza l-korruzzjoni li hu mdawwar biha, Robert Abela jipprova jitfa’ t-tajn fuq ħaddieħor biex idawwar l-attenzjoni minn fuqu."

More in Politika