Il-Gvern m’għandux strateġija speċjalizzata fejn tidħol id-droga fost iż-żgħażagħ

Biex il-pulizija tiġġieled kontra l-użu tad-droga fost iż-żgħażagħ, tiffoka primarjament fuq li teqred it-traffikar tad-droga — iżda tagħmel sensiela ta’ spezzjonijiet f’postijiet magħrufin għad-droga wkoll

(Ritratt: Arkivji)
(Ritratt: Arkivji)

Minn tweġiba li ta l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, jidher li l-Gvern m’għandux xi pjan apposta biex jindirizza l-problema tad-droga fost iż-żgħażagħ. 

Meta l-Ministru kien mistoqsi mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u l-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda Bernice Bonello dwar “x’passi qed jittieħdu biex l-abbuż u l-vizzju tad-droga fost iż-żgħażagħ, speċjalment fil-postijiet tad-divertiment, jiġi miġġieled”, Camilleri wieġeb biss li l-pulizija qed tikkumbatti t-traffikar tad-droga. 

“Ninsab infurmat li l-prijorità tal-Pulizija fil-ġlieda kontra d-droga, hi li primarjament tiffoka fuq operazzjonijiet, investigazzjonijiet u ġbir ta’ informazzjoni li jwasslu biex jiġu identifikati każijiet ta’ traffikar u t-traffikanti, u b’hekk jinqered it-traffikar ta’ droga biex din ma tilħaqx tasal fis-swieq lokali għal użu fost iż-żgħażagħ u kull persuna oħra”, wieġeb il-Ministru. 

Apparti hekk, il-pulizija wkoll iwettqu “rondi u spezzjonijiet f’postijiet fejn ikun hemm suspett ta’ traffikar jew użu ta’ droga anke fost iż-żgħażagħ”, speċjalment fi ġranet u f’postijiet fejn hu mistenni ħafna tbaħrid. 

Dawn jinkludu l-jiem tal-festi u l-weekends, kif ukoll postijiet fejn hemm attivitajiet u stabbilimenti tad-divertiment. Kemm pulizija bl-uniformi, kif ukoll dawk pajżana, iwettqu dawn l-ispezzjonijiet, qal il-Ministru. 

Minkejja li x-xogħol tal-pulizija fir-rigward tad-droga fost iż-żgħażagħ mhux magħmul apposta għall-każijiet li jinvolvu ż-żgħażagħ, l-istrateġija xorta waħda hi ta’ suċċess, bħal kif qal il-Ministru, “Kif jirriżulta anke minn każi li nqabdu u tressqu l-Qorti din ħidma li qed tkun effettiva”. 

Barra minn hekk, ix-xogħol tal-pulizija ma tiqafx mal-prosekuzzjoni tat-traffikanti, iżda “l-pulizija tinvestiga u taġixxi wkoll [fuq] rabtiet oħra li jkollhom dawn il-persuni.” 

More in Politika