Il-Partit Momentmum ikkundanna d-deċiżjoni tal-Kumitat Ornis li jnaqqas il-pieni għall-kaċċa illegali, fejn qalu li did-deċiżjoni "timmina snin ta' progress fil-protezzjoni ambjentali u l-konservazzjoni tal-ħajja salvaġġa f'Malta."
Katya Compagno minn Momentum qalet li did-deċiżjoni dgħajfet id-deterrenti kontra l-kaċċa illegali, speċjalment f'kuntest fejn il-kaċċa illegali hija mifruxa u m'hemmx biżżejjed infurzar.
"Dan jibgħat il-messaġġ ħażin li min jikser il-liġi jista’ jinnegozja l-konsegwenzi jekk ikollok l-appoġġ ta’ gruppi b’saħħithom”, żiedet Compagno.
Min-naħa l-oħra, Matthew Agius minn Momentum qal li din mhix kwistjoni ta' "‘proporzjonalità’ imma ta’ responsabbiltà" speċjalment meta tikkunsidra li l-kaċċaturi li jiksru l-liġijiet tal-kaċċa għall-ewwel darba mhumiex qed jagħmu hekk b'mod inġenwu, iżda konxjament qed jiksru regolamenti li ġew stabbiliti biex jitħarsu għasafar vulnerabbli.
Li ddgħajjef il-konsegwenzi tal-kaċċa illegali huwa sinjal tat-tmermir iktar ġenerali tal-istandards ambjentali. Barra minn hekk, dat-tnaqqis tal-konsegwenzi huwa speċjalment relevanti meta tikkunsidra l-proċeduri li għaddejjin kontra Malta mill-Unjoni Ewropea dwar nuqqasijiet fl-infurzar tal-ħarsien tal-għasafar.
“Aktar inkwetanti hija l-pożizzjoni kontradittorja tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, li vvutat kontra żona buffer ħielsa mill-kaċċa madwar l-iskejjel, iżda favur tnaqqis fil-kastigi għal kaċċa illegali. Din l-inkonsistenza mhux biss tipperikola s-sigurtà pubblika, iżda wkoll tminaw il-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet tagħna.”
Momentum temmew l-istqarrija b'talba lill-Ministru Clint Camilleri biex jirriġetta għalkollox dil-proposta.