Aktar pajjiżi jitolbu test negattiv qabel turist jaqbad l-ajruplan u mhux wara

Malta se tkun qed tagħmel l-istess mill-1 ta’ Ġunju...

Aktar pajjiżi qed jitolbu test negattiv għall-Covid-19 qabel ma’ turisti jew vjaġġaturi jaqbdu l-ajruplan u mhux malli jaslu fl-ajruporti u saħansitra qed jobbligaw linji tal-ajru biex jirrifjutaw li jtellgħu passiġġieri abbord jekk ma jippreżentawx it-test.

Ħmistax wara li l-gazzetta ILLUM żvelat il-lista tal-pajjiżi li qed jitolbu test negattiv qabel ma turist jew vjaġġatur jaqbad arjuplan minn Malta, din il-lista kienet aġġornata biex issa qed tinkludi aktar pajjiżi, jiġifieri ċ-Ċekja u l-Portugal.

Fil-fatt, għal darb’oħra, il-gazzetta ILLUM kisbet il-lista tar-rekwiżiti li qed issegwi l-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta.

Għal titjiriet minn Malta, iċ-Ċekja qed jitolbu test negattiv tal-Covid-19 (PCR/Antigen), sakemm persuna ma tkunx miċ-Ċekja jew inkella ma tkunx fil-pussess ta’ ċertifikat tal-vaċċin maħruġ mill-pajjiż. 

F’każ ta’ PCR test (jiġifieri swab test komuni), dan irid ikun sar fi żmien 72 siegħa qabel it-tluq. Fil-każ tal-Antigen (rapid test), dan irid ikun sar fi żmien 24 siegħa qabel it-tluq. Jekk turist jew vjaġġatur ma jippreżentax dan it-test, mhux qed jitħalla jitla’ abbord l-ajruplan.

Il-Portugal ukoll qed jitlob li turist ikun għamel test (PCR) fi żmien 72 siegħa qabel it-tluq. Anke f’dan il-każ, jekk persuna ma tippreżentax it-test mhux qed titħalla taqbad l-ajruplan minn Malta lejn il-Portugal.

Apparti minn hekk, għal titjiriet minn Malta, l-Awstrija qed titlob test negattiv tal-Covid-19 (PCR/LAMP/TMA jew Antigen). It-test irid ikun sar 72 siegħa qabel persuna tkun se tasal fil-pajjiż jew 48 siegħa qabel il-wasla, fil-każ tal-Antigen test. 

Jekk persuna ma tippreżentax dan fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, xorta waħda qed titħalla titla’ fuq l-ajruplan, iżda qed tkun mitluba tagħmel test fi żmien 24 siegħa minn meta tasal l-Awstrija u tkun hi stess li tħallas għalih.

Dawn ikomplu jiżdiedu mal-lista ta’ pajjiżi oħra li wkoll qed jitolbu test negattiv għall-Covid-19 qabel ma’ persuna taqbad l-ajruplan minn Malta, jew inkella tinżamm milli titla’ abbord. Il-pajjiżi l-oħra huma Franza, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda u l-Iżvezja.

Fil-każ tar-Renju Unit, li sa issa għadu qed iqis lil Malta bħala pajjiż ta’ riskju għoli, dan qed jitlob test tal-Covid-19 (PCR/Antigen/Lamp) kif ukoll evidenza li persuna tkun ibbukkjat test għat-tieni u tmien ġurnata tal-kwarantina li se tkun obbligata tagħmel malli tasal. It-test irid ikun sar sa tlett ijiem qabel it-tluq. Jekk passiġġier ma jippreżentax it-test, mhux qed jitħalla jaqbad l-ajruplan minn Malta.

Fil-każ ta’ Malta, minkejja li qed titlob test negattiv (PCR), sa issa ma hemm l-ebda struzzjonijiet biex it-turisti jew il-vjaġġaturi ma jitħallux jitilgħu abbord l-ajruplan lejn Malta.

Kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat kif l-awtoritajiet qed iħarsu lejn l-1 ta’ Ġunju li ġej bħala d-data minn meta dawk kollha li jiġu Malta se jkunu qed jintalbu jipprovdu r-riżultat ta’ test tal-Covid-19 qabel ma jaqbdu l-ajruplan lejn Malta u mhux malli jaslu fil-pajjiż u jidħlu l-Ajruport.

Din id-data kienet ikkonfermata wkoll mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne li spjega kif Malta se tkun qed titlob test negattiv tal-Covid-19 jew ċertifikat tal-vaċċin qabel mat-turisti jaqbdu l-ajruplan għal Malta.

Preżentament Malta ma għandha l-ebda pajjiż fuq il-lista l-ħadra, bil-maġġoranza tal-pajjiżi jinsabu fuq il-lista amber. Kif inhi l-liġi bħalissa, kull vjaġġatur li jiġi minn xi pajjiż elenkat fil-lista amber għandu jipprovdi PCR Covid-19 test negattiv magħmul mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla tiegħu f’Malta.

Vjaġġaturi li jkunu ġejjin f’Malta minn dawn il-pajjiżi u li jonqsu milli jipproduċu dan it-test ikunu sottomessi għall-ittestjar f’Malta u jistgħu jkunu soġġetti għall-kwarantina.

More in Politika