Test negattiv qabel turist jaqbad l-ajruplan għal Malta ... Mistennija tibda tapplika mill-1 ta’ Ġunju

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM jikkonfermaw li l-miżura biex turisti jibdew jippreżentaw test negattiv tal-Covid-19 qabel jaqbdu l-ajruplan lejn Malta u mhux malli jaslu fil-pajjiż, mistennija tidħol fis-seħħ minn Ġunju. L-ILLUM tagħti ħarsa wkoll lejn dawk il-pajjiżi li diġà daħlu fis-seħħ din il-miżura...

L-awtoritajiet qed iħarsu lejn l-1 ta’ Ġunju li ġej bħala d-data minn meta dawk kollha li jiġu Malta se jkunu qed jintalbu jipprovdu r-riżultat ta’ test tal-Covid-19 qabel ma jaqbdu l-ajruplan lejn Malta u mhux malli jaslu fil-pajjiż u jidħlu l-Ajruport.

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM qalu li għadhom għaddejin id-diskussjonijiet ma’ diversi ajruporti u linji tal-ajru u għalkemm għad ma hemm xejn konkluż, l-1 ta’ Ġunju qed titqis bħala l-ġurnata li fiha mistennija tibda tapplika din il-miżura.

“Ħsibna li se tintlaqa’ ħafna agħar,” saħqu l-istess sorsi meta mistoqsija kif qed jirreaġixxu l-linji tal-ajru u ajruporti differenti dwar din il-miżura, anke għax diġà hemm pajjiżi li introduċewha. 

Bħal-lum ġimgħa, dwar l-istess suġġett tkellem id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearna li spjega li din il-miżura hija kruċjali għall-protezzjoni tal-pajjiż.

Għamel jumejn jiġri f’Malta qabel irriżulta pożittiv għall-virus

L-ILLUM staqsiet dwar l-introduzzjoni ta’ din il-miżura wara li qarrejja tkellmu magħha dwar każijiet fejn persuni rriżultaw pożittiv għall-Covid-19 malli waslu f’Malta, anke fl-aħħar jiem.

F’każ partikolari, raġel li kien għadu kemm wasal mir-Renju Unit ma daħħalx miegħu test negattiv tal-Covid-19 u għalhekk it-test sarlu malli wasal Malta.

Madanakollu, l-istess persuna, flok baqa’ fi kwarantina, kompla bix-xogħol tiegħu f’Malta, sakemm jumejn wara infurmawh li kien irriżulta pożittiv għall-Covid-19. Dan il-każ seħħ ftit tal-jiem ilu.

Ir-Renju Unit daħal fil-lista amber din il-ġimgħa wara li kien ilu diversi ġimgħat fuq il-lista l-ħamra. Fil-każ tal-lista l-ħamra, sakemm persuna ma tkunx ċittadina Maltija jew inkella ma jkollix permess ta’ residenza f’Malta, ma tistax tivjaġġa lejn Malta.

Skont informazzjoni fuq is-sit tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jitħabbru wkoll miżuri biex persuni li jkunu ġejjin minn dawn il-pajjiżi fil-lista l-ħamra u li iżda jkunu ħadu d-dożi kollha tal-vaċċin (14-il ġurnata qabel), ikunu jistgħu jitħallew xorta waħda jidħlu Malta.

Preżentament Malta ma għandha l-ebda pajjiż fuq il-lista l-ħadra, bil-maġġoranza tal-pajjiżi jinsabu fuq il-lista amber. Kif inhi l-liġi bħalissa, kull vjaġġatur li jiġi minn xi pajjiż elenkat fil-lista amber għandu jipprovdi PCR Covid-19 test negattiv magħmul mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla tiegħu f’Malta.

Vjaġġaturi li jkunu ġejjin f’Malta minn dawn il-pajjiżi u li jonqsu milli jipproduċu dan it-test ikun sottomessi għall-ittestjar f’Malta u jistgħu jkunu soġġetti għall-kwarantina.

Mhux miżura ġdida ... Ħafna pajjiżi diġà daħluha fis-seħħ

Li pajjiż jitlob test negattiv tal-Covid-19 qabel ma’ persuna taqbad ajruplan mhuwiex xi kunċett ġdid u diversi pajjiżi diġà daħlu din il-miżura fis-seħħ inkluż għal titjiriet minn Malta.

Dawn ta’ hawn taħt huma uħud mill-eżempji hekk kif imniżla f’lista li qed issegwi l-Air Malta

Għal titjiriet minn Malta:

  • Franza qed titlob test tal-Covid-19 (PCR) li jkun sar sa 72 siegħa qabel it-tluq. Jekk passiġġier ma jippreżentahx, mhux qed jitħalla jaqbad l-ajruplan minn Malta.
  • Il-Ġermanja qed titlob test tal-Covid-19 (PCR/LAMP/TMA/Antigen) li jkun sar sa 48 siegħa qabel persuna tidħol fil-pajjiż. Jekk passiġġier ma jippreżentahx, mhux qed jitħalla jaqbad l-ajruplan minn Malta.
  • L-Italja qed titlob test tal-Covid-19 (PCR/Antigen) li jkun sa 48 siegħa qabel il-wasla. Jekk passiġġier ma jippreżentahx, mhux qed jitħalla jaqbad l-ajruplan minn Malta.
  • L-Olanda wkoll qed titlob testijiet li jkunu saru jew sa 72 siegħa qabel il-wasla jew sa 24 siegħa qabel it-tluq (skont it-tip tat-test). Jekk passiġġier ma jippreżentahx, mhux qed jitħalla jaqbad l-ajruplan minn Malta.
  • L-Iżvezja qed titlob test tal-Covid-19 li jkun sar sa 72 siegħa qabel il-wasla (f’każ ta’ PCR) jew 24 siegħa qabel it-tluq (fil-każ ta’ Rapid Test). Jekk passiġġier ma jippreżentahx, mhux qed jitħalla jaqbad l-ajruplan minn Malta.
  • Ir-Renju Unit qed jitlob test tal-Covid-19 (PCR/Antigen/Lamp) kif ukoll evidenza li persuna tkun ibbukkjat test għat-tieni u tmien ġurnata tal-kwarantina li se tkun obbligata tagħmel malli tasal. It-test irid ikun sar sa tlett ijiem qabel it-tluq. Jekk passiġġier ma jippreżentax it-test, mhux qed jitħalla jaqbad l-ajruplan minn Malta.

Hemm ukoll pajjiżi oħra li huma stretti mmens fejn jidħlu t-testijiet. Fost dawn:

  • Il-Belġju mhux qed jitlob test qabel persuna taqbad l-ajruplan. Madanakollu qed jitlob test fi żmien 24 siegħa minn meta passiġġier jasal fil-pajjiż u anke test ieħor fi tmiem il-kwarantina ta’ sebat ijiem.
  • Ċipru qed jitlob PCR test li jkun sar mhux aktar minn tlett ijiem qabel it-tluq. Fil-każ ta’ pajjiżi li jinsabu fuq il-lista l-ħamra għas-safar, test ieħor jittieħed malli l-passiġġier jasal fil-pajjiż u jrid iħallas għalih hu. 

More in Politika