L-IĠM jappella għal aktar rispett lejn il-ġurnalisti u aktar għajnuna lill-kmamar tal-midja

Illum qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji għal-Libertà tal-Istampa

Illum qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji għall-Libertà tal-Istampa u għal din l-okkażjoni, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qed  jappella għal sforz kollettiv biex il-ġurnalisti jintwerew aktar rispett fil-qadi ta’ dmirijiethom. 

“Il-Jum Dinji għal-Libertà tal-Istampa joffri opportunità biex il-ġurnalisti jkunu nkoraġġiti u appoġġjati biex jipprovdu lill-pubbliku b’informazzjoni ta’ kwalità u ta’ min joqgħod fuqha. Dan mhux biss hu mportanti minħabba l-informazzjoni żbaljata li qed tixtered fuq il-media soċjali, imma wkoll għax ix-xogħol tal- ġurnalist sar aktar diffiċli fi zmien il-pandemija tal-Covid-19,” saħaq l-Istitut fi stqarrija.

L-IĠM saħaq li mhux se jaċċetta li l-pandemija tkun użata biex jitpoġġew restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-Istampa jew b’xi mod jitwaqqaf id-dibattitu fl-istampa.

Innota l-fastidju kontinwu li l-ġurnalisti nisa jkollhom jiffaċċjaw fuq il-media soċjali

“Dan mhux biss ibaxxihom imma jżomm lura tfajliet milli jidħlu għal din il-professjoni,” saħaq l-IĠM.

Insista kif bħala r-raba’ pilastru f’demokrazija, kull pajjiż jiddependi fuq ġurnaliżmu indipendenti, ibbażat fuq fatti u ta’ min joqgħod fuqu. Saħaq li l-ġurnalisti huma konxji li x-xogħol tagħhom għandu ċertu periklu, iżda mhux se jċedu quddiem dawn l-isfidi filwaqt li jistennew li l-awtoritajiet jirrispettaw ix-xogħol tagħhom.

F’laqgħa li rappreżentanti tal-IĠM kellhom mal-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz ta’ San Anton ftit jiem ilu, dawn il-problemi kienu diskussi fit-tul. 

F’din il-laqgħa, il-membri tal-Kunsill tal-IĠM esprimew il-fehma soda tagħhom li l-libertà tal-istampa, ma għandha tkun imxekkla bl-ebda mod u li l-Istat hu fid-dover li jipproteġi lill- ġurnalisti mit-tfixkil, theddid u ċensura biex l-informazzjoni tixxerred bla ebda restrizzjonijiet. 

Min-naħa tiegħu, il-President enfasizza l-importanza ta’ dan is-settur bħala wieħed mill-pilastri tad-demokrazija. Hu insista li l-ġurnalisti għandhom rwol importanti biex tonqos il-firda u jkollna għaqda nazzjonali. 

“Diversi djar tal-media f’pajjiżna ġarrbu telf kbir fi żmien il-pandemija. Għalkemm l-għajnuna tal-Gvern permezz bl-iskema tal-“wage supplement” u għotja ta’ darba għenu biex jonqos l-impatt negattiv, il-ġurnalisti, bħal professjonisti oħra, kellhom jaċċettaw tnaqqis fil-pagi filwaqt li kellhom jaħdmu aktar biex ikomplu jipprovdu informazzjoni korretta lill-qarrejja, telespettaturi u semmiegħa,” saħqet l-istqarrija.

Appella biex ikun hemm diskussjonijiet biex din l-għajnuna tkun estiża lill-djar kollha tal-media fuq bażi annwali, kif isir f’ħafna pajjiżi Ewropej oħra. 

More in Politika