Minn nhar it-Tlieta dawk li għandhom bejn 30 u 39 sena jistgħu jibdew japplikaw għall-vaċċin ukoll

Iċ-ċertifikat ta' vaċċinazzjoni se jkun aċċessibbli mill-aħħar ta' Mejju ...

Hekk kif il-proċess ta' vaċċinazzjoni mexa' sew 'il quddiem b'madwar 42% ta' dawk li għandhom bejn 40 u 49 sena jieħdu l-vaċċin, nhar it-Tlieta li ġej 4 ta' Mejju dan il-proċess se jinfetaħ ukoll għal dawk li għandhom bejn 30 u 39 sena, jinsab infurmat is-sit illum.com.mt.  Il-proċess għal dawk li għandhom bejn 40 u 49 sena beda l-ġimgħa l-oħra, bl-applikazzjonijiet jiftħu l-Ġimgħa 23 ta' April. 

Malta tinsab fuq quddiem nett fl-UE f'dak li jirrigwarda persuni li ħadu ż-żewġ dożi, b'23.2% sa din il-ġimgħa u warajna eżatt hemm ir-Renju Unit b'21.5%. 

Intant iċ-ċertifikati tal-vaċċin se jkunu aċċessibbli mill-aħħar ta' Mejju bir-residenti Maltin ikunu jistgħu anke jsiefru f'pajjiżi fil-lista l-ħamra, basta jkollhom dan iċ-ċertifikat, li jkun validu ftit ġranet wara li persuna tkun ħadet it-tieni doża. 

Sal-lum ngħataw total ta' 335,848 doża, 4,510 aktar mill-ġurnata ta' qabel. Sa issa b'kollox 107,068 persuna ingħataw it-tieni doża wkoll.

 

More in Politika