Filmat | Id-Direttur Maniġerjali tal-Allied Group u uffiċjal ieħor akkużati bi frodi u ħasil tal-flus

Kienet il-gazzetta ILLUM li żvelat kif il-Pulizija qed ifittxu lid-Diretturi tal-Allied Newspapers għal frodi li jlaħħaq xejn inqas minn madwar €750,000 meta xtraw stamperija fl-Imrieħel, mingħand Keith Schembri

Id-Direttur Maniġerjali tal-Allied Group Michel Rizzo u l-eks Uffiċjal Finanzjarju tal-istess kumpanija, Claude Licari, tressqu l-Qorti, akkużati bi frodi, b'dikjarazzjoni falza quddiem awtorità pubblika, b'falsifikar ta' dokumenti u anke ħasil tal-flus.

Fix-xhieda tagħha, l-Ispettur Annmarie Xuereb, mid-Dipartiment għall-Investigazzjoni tar-Reati Finanzjarji, ikkonfermat li huma tressqu b'rabta mal-Inkjesta Maġisterjali li dwarha ttellgħu l-Qorti diversi persuni oħra, inkluż l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u anke l-eks Chairperson tal-Allied Newspapers, Vincent Buhagiar.

Iż-żewġ persuni wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.

Fil-ġimgħat li għaddew, il-gazzetta ILLUM żvelat kif il-Pulizija kienu qed ifittxu lid-Diretturi tal-Allied Newspapers għal frodi li jlaħħaq xejn inqas minn madwar €750,000 meta dawn id-diretturi xtraw stamperija fl-Imrieħel, mingħand Keith Schembri u ħadu €1.7 miljun bħala "investment aid." Kien żvelat illi fuq medda ta' snin l-Allied Newspapers ħadu madwar €690,000 mingħand Schembri, snin qabel ma' dan kien Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dawn il-flus allegatament tpoġġew f'kont fil-British Virgin Islands. 

Kienet il-gazzetta wkoll li żvelat kif l-inkjesta Maġisterjali talbet lill-Pulizija biex tinvestiga wkoll lil Michel Rizzo, Direttur Maniġerjali kurrenti tal-kumpanija. 

Lura għall-każ, il-prosekuzzjoni talbet biex l-akkużati jinżammu arrestati anke għax hemm persuni mill-Progress Press, il-Malta Enterprise u l-PWC li għad iridu jixhdu f'dan il-każ. Madanakollu, l-Avukat Joe Giglio, li qed jidher għal Rizzo u l-Avukat Roberto Montalto li qed jidher għal Licari insistew li l-akkużati dejjem ikkoperaw mal-Pulizija u wħud mix-xhieda li qed issemmi l-prosekuzzjoni diġà xehdu fl-inkjesta maġisterjali u saħanistra kienu huma stess li qalu lill-Pulizija bihom.

"Qattajna ġimgħat norqdu fis-sezzjoni tal-arkivji biex nagħtu lill-prosekuzzjoni kaxxi fuq kaxxi ta' evidenza biex nuru li ma hemm l-ebda raġuni valida għaliex għandhom jitressqu l-Qorti," insista Giglio. Saħaq li Rizzo ppreżenta lill-Pulizija ħafna aktar dokumentazzjoni minn kemm talbuh.

Id-deċiżjoni laqgħet l-argumenti tad-Difiża u tat il-ħelsien lill-arrest liż-żewġ akkużati. Fil-każ ta' Rizzo, il-Qorti ordnatlu biex ma jsifirx u biex iżomm 100 metru 'l bogħod mill-Ajruport u biex ma jersaqx lejn bċejjeċ tal-baħar. Ġie orndat ukoll biex jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-għassa tal-Qawra u biex isegwi curfew. Ġie ordnat ukoll ma jersaqx lejn l-uffiċini tal-Progress Press u ntalab iħallas depożitu ta' €20,000 u garanzija personali ta' €50,000.

Il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ta' Licari huma l-istess għal dawk ta' Rizzo. 

L-Avukat Joe Giglio qal ukoll li hemm differenza bejn li persuna titressaq il-Qorti fil-kapaċità personali tagħha jew inkella bħala rappreżentant ta' kumpanija. Insista li Rizzo dejjem kien investigat u interrogat bħala uffiċjal tal-kumpanija u għalhekk oġġezzjona għat-talba tal-Prosekuzzjoni biex il-Qorti tordna l-iffriżar tal-assi personali. Għall-iffriżar tal-assi oġġezzjona wkoll l-akkużat ta' Licari. Iż-żewġ avukati saħqu li l-klijenti tagħhom ma kellhom l-ebda assi jew inkella fondi personali li s-sors tagħhom mhuwiex magħruf.

Madanakollu l-Prosekuzzjoni baqgħet tinsisti li l-assi tagħhom għandhom ikunu ffriżati. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ddeċidiet li l-assi personali tal-akkużati ma jkunux iffriżati, għalkemm imponiet l-iffriżar tal-assi tal-Progress Press.

Aqra wkoll:

More in Politika