L-awtoritajiet fir-Renju Unit jitolbu aktar informazzjoni qabel jiddeċiedu fuq l-estradizzjoni ta' Hillman

Hillman mistenni jitressaq il-Qorti biex jiffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus u anke korruzzjoni, l-istess kif ġew akkużati diġà ħdax il-persuni oħra, fosthom l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri

L-awtoritajiet fir-Renju Unit talbu aktar informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Maltin biex jiġġustifikaw it-talba għall-estradizzjoni ta’ Adrian Hillman, l-eks editur maniġerjali tal-Allied Newspapers.

Irrapportat dan it-Times of Malta li spjegat kif uffiċjali tal-infurzar tal-liġi mill-Aġenzija Nazzjonali għall-Kontra l-Kriminalità tar-Renju Unit, qed janalizzaw it-talba li għamlu l-awtoritajiet Maltin.

Hillman mistenni jitressaq il-Qorti biex jiffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus u anke korruzzjoni, l-istess kif ġew akkużati diġà ħdax il-persuna oħra, fosthom l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

L-awtoritajiet Maltin għamlu din it-talba erba’ ġimgħat ilu. 

Ta’ min ifakkar li qabel ma seħħ Brexit, ir-Renju Unit kien parti mis-sistema tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew.

Jidher li Hillman ġie kkuntattjat mill-Pulizija fir-Renju Unit biex ikun jafu fejn jinsab iżda sa issa ma ġiex infurmat li se jkun estradit lejn Malta. 

Adrian Hillman kien investigat bħala parti minn inkjesta maġisterjali li kienet intalbet mill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Dan wara allegat każ ta’ korruzzjoni u tixħim fix-xiri ta’ tagħmir għall-istampar mill-Progress Press, liema appartat inxtara mingħand il-kumpanija Kasco Ltd ta’ Keith Schembri.

Fil-kumpilazzjoni tal-evidenza, l- Ispettur Joseph Xerri kien qal illi mix-xiri ta’ din il-magna, il-kumpanija ta' Schembri għamlet $5 miljuni, bil-profitti jinqasmu bejn Schembri u Malcolm Scerri,Adrian Hillman u Vince Buhagiar, eks Chairman tal-Allied Newspapers li wkoll tressaq il-Qorti.

Il-Qorti semgħet ukoll kif il-flus li rċevew Adrian Hillman u Vince Buhagiar, poġġewhom fil-kont personali tagħhom, minkejja li x-xiri kien f'isem il-Progress Press. Dawn it-tnejn iddepożitaw aktar flus li mhux ċar minn fejn ġew, bl-Ispettur Joseph Xerri jiddeskrivi dan kollu bħala "każ ċar ta' tixħim."

Apparti minn hekk l-Ispettur Anne Marie Xuereb kienet qalet li l-pagamenti għax-xiri ta’ dan it-tagħmir kienu għaddew minn diversi kumpaniji, f’pajjiżi u postijiet diffirenti, biex il-kumpanija tħallas mill-inqas taxxa.

More in Politika