'L-ewwel nassiguraw li l-mediċina għall-IVF tkun b'xejn u mbagħad nitkellmu fuq il-PGD' - Grech

Il-Kap Nazzjonalista kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara li l-Ministru Fearne ħabbar li se jippreżenta emendi fil-liġi tal-IVF fosthom biex ikunu jistgħu jsiru testijiet li janalizzaw l-embrijun qabel isir iċ-ċiklu tal-IVF

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ma weġibx dwar jekk il-Partit Nazzjonalista jaqbilx mal-introduzzjoni ta’ test li janalizza l-embrijun qabel isir iċ-ċiklu tal-IVF, liema proċess huwa magħruf bħala PGD.

Mistoqsi mill-ġurnalisti xi tkun il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni dwar dan, ftit jiem wara li l-Ministru Fearne ħabbar li se jkun qed iressaq dawn l-emendi fil-liġi tal-IVF, il-Kap Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni se tkun qed tiddiskuti din il-kwistjoni internament iżda saħaq li għalissa din mhijiex il-prijorità.

Fearne ħabbar dan ftit jiem wara li Bernard Grech qal li koppji f’Malta li jkollhom jgħaddu mill-proċess tal-IVF qed jispiċċaw joħorġu eluf ta’ ewro meta dan kellu jkun servizz mogħti b’xejn.

Il-proċess tal-IVF huwa b’xejn iżda l-mediċina li tintuża biex tistimola l-ovarji tal-mara mhijiex u tiswa l-flus.

“Jirriżulta li dawn il-koppji għadhom iħallsu eluf kbar ta’ ewro għal medikazzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu dan is-servizz. Mhux veru li ma jħallsux flus,” saħaq Grech.

Bernard Grech saħaq li Gvern Nazzjonalista se jkun qed jgħin lil dawn il-koppji biex ma jħallsu xejn għal din il-mediċina.

“Il-Ministru Fearne għaliex inqabad f’din in-nassa, għax kien qiegħed iġiegħel lin-nies jemmnu li s-servizz huwa b’xejn, dar għal fuq il-PGD,” insista Grech.

Kien hawn li saħaq li bħalissa l-argument mhuwiex il-PGD imma l-enfasi għandha tingħata lil dak li għaddejin minnu l-koppji llum, jiġifieri li qed iħallsu “eluf ta’ ewro.”

Grech saħaq li hemm koppji li minħabba l-flus mhux qed imorru għal dan is-servizz jew inkella qed ibatu ħafna.

“L-ewwel problema hija l-flus ... kif il-Ministru Fearne jaċċetta li ma jkunx hemm ħlas għal din il-mediċina, imbagħad nitkellmu fuq il-PGD,” saħaq Grech.

Insista li hu tkellem man-nies u ma koppji u għalhekk qed jagħmel din il-proposta. 

“Studjajt l-affarijiet u rajt x’inhu l-uġigħ tan-nies,” temm jisħaq Grech.

More in Politika