Żewġt ikmamar għal 12-il persuna u kiri ta' appartamenti mhux mibnija; Nuqqasijiet fil-Programm taċ-Ċittadinanza

Investigazzjoni konġunta tiżvela nuqqasijiet fil-Programm taċ-Ċittadinanza b'Investiment

Appartament f’Għawdex kien qiegħed jinkera lil persuna li kienu qed japplikaw biex jiksbu ċ-Ċittadinanza Maltija minkejja li dan lanqas kien għadu nbena u għalhekk żgur li ħadd ma seta’ jgħix fih.

L-Appartament Vista Point, f’Marsalforn u mmaniġġjat minn Trident Property Management, kien għażla popolari ma’ diversi applikanti taċ-Ċittadinanza. 

Fil-fatt investigazzjoni konġunta minn diversi kmamar tal-aħbarijiet, ikkoordinata mill-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, turi kif jeżistu xejn inqas minn 30 applikazzjoni ma’ Henley & Partners u li jinkludu wkoll il-kiri ta’ dan l-appartament.

Dan minkejja li l-appartament kien għadu qed jinbena.

Bħala parti mill-applikazzjoni, applikanti prospettivi jridu jippreżentaw kontijiet tad-dawl u l-ilma minn proprjetà f’Malta, bħala prova li għandhom residenza.

Fil-każ ta’ dan l-appartament inkwistjoni, l-ispjegazzjoni mogħtija mis-sidien lil Henley Estates kienet tgħid l-kumpanija Trends Development Ltd kienet iffirmat ftehim ma’ Enemalta pls għall-installazzjoni ta’ sub-station esklussiva għall-proġett Vista Point. Il-kumpanija tispjega li l-installazzjoni kellha tibda dalwaqt u li wara jiġu installati l-meters tad-dawl għal kull appartamenti.

L-istess investigazzjoni żvelat numru ta’ ċirkostanzi fejn persuni sinjuri, fosthom mir-Russja, miċ-Ċina u mill-Arabja Sawdija, krew appartamenti f’Malta biex attaparsi ilhom sena jgħixu f’Malta, anke jekk qatt ma jkunu rifsu l-għatba tal-istess appartament jew inkella jkunu qattgħu biss ftit jiem fih bħala btala.

Fost oħrajn, l-iskema taċ-Ċittadinanza b’Investiment titlob lill-applikanti biex jipprovdu prova ta’ investiment f’Malta li jammonta għal €1.15 miljun, li jinkludi wkoll xiri ta’ proprjetà li tkun tiswa minn tal-inqas €350,000 jew inkella jikru għal ħames snin b’€80,000.

Madanakollu, artiklu fuq The Guardian jiżvela kif uħud mill-proprjetajiet mikrija kienu żgħar wisq għall-familji ta’ wħud mill-applikanti.

F’każ partikolari, Ċiniż kera appartament ta’ żewġt ikmamar għal €1,500 fix-xahar minkejja li applika għaċ-ċittadinanza għal 12-il persuna, inkluż is-sitt itfal tiegħu.

Aqra wkoll:

Prinċep Sawdi li kiseb iċ-Ċittadinanza Maltija ltaqa' ma' Joseph Muscat biex ismu ma jkunx ippubblikat

More in Politika