Prinċep Sawdi li kiseb iċ-Ċittadinanza Maltija ltaqa' ma' Joseph Muscat biex ismu ma jkunx ippubblikat

Eventwalment jirriżulta li isem il-prinċep tneħħa mill-gazzetta tal-Gvern

Membru tal-familja rjali tal-Arabja Sawdija tkellem direttament mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex ismu jitneħħa minn fuq il-gazzetta tal-Gvern.

Irrapporta dan is-sit MaltaToday li spjega kif skont imejl minn Henley & Partners, wieħed mill-aktar persuni viċin il-Prinċep Bander Al Saud, kiteb lil membru tat-tim tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment, jitlob spjegazzjoni dwar il-pubblikazzjoni ta’ isem il-Prinċep fil-gazzetta. 

Fl-imejl, dan il-konsulent jgħid li l-Prinċep kien iltaqa’ direttament mal-Prim Ministru Joseph Muscat u ma’ Jonathan Cardona biex jispjegalhom għaliex huwa importanti mmens li ismu ma jidhirx sħiħ imma jissemma biss “Mr Bander A. Saud.” Jidher li dwar dan kien hemm qbil.

Eventwalment, isem il-Prinċep tneħħa mill-gazzetta tal-Gvern.

Jonathan Cardona kien Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta u l-imejls juru kif hu kien jaħdem viċin ħafna Henley & Partners fejn jidħlu l-applikazzjonijiet għall-passaporti Maltin.

L-applikazzjoni ta' Bander Al Saud kienet approvata fl-10 ta' Novembru tal-2016. Ma nstabu l-ebda ittri li jistidnuh biex jieħu l-ġurament u jiġbor il-passaport. Madanakollu, jirriżulta li l-Prinċep kellu jieħu l-ġurament fit-13 ta' Marzu 2017 u jiġbor il-passaport fis-17 ta' Marzu.

Missier il-Prinċep, Prinċep Khalef Al Saud, ukoll kiseb iċ-ċittadinanza Maltija.

Din l-informazzjoni ġiet minn sensiela ta’ dokumenti li pprovda whistleblower u li jappartjenu lil Henley & Partners

Dan il-materjal kien oriġinarjament ingħata lil Daphne Caruana Galizia u eventwalment spiċċa f’idejn Daphne Foundation wara l-qtil tagħha. L-informazzjoni għaddiet għand diversi kmamar tal-aħbarijiet.

Għalkemm mhuwiex fil-linja ta' dawk eredi għat-tron, Bander Al Saud huwa uffiċjal f’xejn inqas minn disa’ kumpaniji fir-Renju tal-Arabja Sawdija.

Meta mistoqsi għall-kummenti, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li repetutament kien ikun hemm persuni li jitolbu biex isimhom ma jkunx ippubblikat minħabba riskju għalihom u l-familja tagħhom.

Madanakollu qal li l-awtoritajiet dejjem imxew skont il-liġi.

Aqra wkoll:

Żewġt ikmamar għal 12-il persuna u kiri ta' appartamenti mhux mibnija; Nuqqasijiet fil-Programm taċ-Ċittadinanza

More in Politika