L-MHRA trid li r-ristoranti jiftħu mit-Tnejn u biex l-impjegati fis-settur turistiku jitlaqqmu qabel l-1 ta' Ġunju

L-MHRA qalet li s-sidien tar-ristoranti waslu f'punt li ma jistgħux jistennew aktar għax is-sitwazzjoni tagħhom hija prekarja

L-Assoċjazzjoni Maltija għar-Ristoranti u l-Lukandi (MHRA) qed tħeġġeġ lill-Gvern biex jiftaħ lir-ristoranti, inkluż dawk fil-lukandi, mit-Tnejn li ġej meta se jkunu qed jiftħu wkoll in-negozji mhux essenzjali.

Fi stqarrija, l-MHRA saħqet li r-ristoranti kienu fost l-agħar milquta mill-pandemija tal-Covid-19 u għalhekk qed jistennew bil-ħerqa biex jiftħu.

L-MHRA qalet li qed taħdem mal-awtoritajiet tas-saħħa biex l-impjegati kollha li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu jingħataw it-tilqima kontra l-Covid-19 qabel l-1 ta' Ġunju, il-ġurnata li l-Gvern qed iħares lejha bħala l-bidu tal-istaġun turistiku.

Insistiet li dan huwa importanti għax ikompli jinforza l-messaġġ li Malta hija destinazzjoni sigura u anke għax inaqqas ir-riskju li jkun hemm tixrid tal-virus.

"Is-sidien tar-ristoranti waslu f'punt li ma jistgħux jistennew aktar għax is-sitwazzjoni tagħhom hija prekarja," kompliet l-istqarrija.

Ftit tal-ħin ilu, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ikkonferma li mit-Tnejn se jiftħu mill-ġdid il-ħwienet mhux essenzjali u anke jibdew jingħataw is-servizzi mhux essenzjali. Fl-ebda ħin ma semma r-ristoranti għalkemm qal li fil-ġranet li ġejjin il-Gvern se jħabbar it-tielet fażi tar-rilaxx tal-miżuri

Aqra wkoll:

More in Politika