Persuni minn 40 sena jibdew jirreġistraw għall-vaċċin mill-Ġimgħa; It-tilqima ta' Janssen tista' tibda tingħata

Il-Kabinett japprova l-qafas legali li se jippermetti lill-pajjiż biex joħroġ iċ-ċertifikat tal-vaċċin li se jippermetti l-ivjaġġar minn u lejn Malta

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li minn nhar il-Ġimgħa se tinfetaħ ir-reġistrazzjoni għal dawk li għandhom ‘il fuq minn 40 sena hekk kif il-programm tat-tilqim qed ikompli miexi b’rata tajba ħafna. Insista wkoll li t-tilqim qed iħalli r-riżultat mixtieq hekk kif, fi kliemu, naqas drastikament l-għadd ta’ persuni li qed ikollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar jew agħar minn hekk fl-ITU.

Fearne qal ukoll li l-Kabinett approva il-qafas legali li se jkun qed jippermetti lill-pajjiż biex joħroġ iċ-ċertifikat tal-vaċċin li se jippermetti lill-Maltin biex isiefru b’inqas restrizzjonijiet u biex turisti jżuru Malta.

Ikkonferma wkoll li wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina u anke wara kommunikazzjoni mal-kumpanija Johnson & Johnson, mil-lum jista’ jibda jiġi amministrat ukoll ir-raba’ vaċċin kontra l-Covid-19.

Mexjin fit-tilqim?

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Chris Fearne insista li l-pandemija għadha ma waqfitx, anzi hemm pajjiżi, anke Ewropej, fejn bħalissa s-sitwazzjoni hija l-agħar li qatt kienet fl-aħħar xhur anke minħabba varjanti ġodda.

Madanakollu saħaq li f’Malta n-numri qed jonqsu mhux biss minħabba r-restrizzjonijiet iżda anke minħabba s-suċċess tat-tilqim.

Fil-fatt, ikkonferma kif 46% tal-adulti Malti ħadu mqar doża waħda tal-vaċċin filwaqt li 21% ħadu t-tieni doża.

Insista li kollox qed jindika li t-tilqim qed iħalli l-impatt mixtieq hekk kif qed jonqsu drastikament l-għadd tal-pazjenti morda bil-Covid-19 li jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar.

Fost oħrajn semma kif fil-faċilità tal-Good Samaritan ma hemm l-ebda pazjent bil-Covid-19 u dan meta sa ftit tal-ġimgħat ilu kien hemm 120 anzjan. F’din il-faċilità kienu qed jittieħdu l-anzjani residenti fi djar tal-anzjani li jkunu nstabu pożittivi għall-Covid-19.

Apparti minn hekk, fl-ITU hemm sitt pazjenti u tnejn minnhom biss għadhom pożittivi għall-Covid-19. Dan meta sa ftit tal-ġimgħat ilu kien hemm 31 persuna.

Qal ukoll li l-pajjiż laqqam 90% tal-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 70 sena u kważi 90% tal-anzjani li għandhom 60 sena.

Aktar minn 60% tal-persuni li għandhom ‘il fuq minn 50 sena ngħataw l-ewwel doża wara li rreġġistraw u kien hawn li ħabbar li minn nhar il-Ġimgħa se tiftaħ ir-reġistrazzjoni għal dawk li għandhom 40 sena jew aktar.

Jidħol f’Malta l-varjant tal-Brażil ... il-vaċċin jaħdem ukoll kontrih

Id-Deputat Prim Minstru qal ukoll li dan is-suċċess jiddependi minn kemm persuni jmorru għall-vaċċin, minn kemm Malta tibqa’ tirċievi dożi u anke mill-varjanti.

Kien hawn li saħaq li l-varjanti jeżistu u se jidħlu f’Malta kif qed jidħlu f’pajjiżi oħra. Fil-fatt instabu tliet każi tal-varjant Brażiljan u bħalissa għaddej l-iscreening neċessarju. Il-vaċċin jaħdem ukoll kontra dan il-varjant.

Qal ukoll li Malta flimkien mal-pajjiżi Ewropej fetħu kawża kontra l-Astra Zeneca wara li din mhux qed tonora biżżejjed in-numri kienet wiegħdet fejn jidħlu l-konsenji.

Ir-restrizzjonijiet u t-tielet fażi tar-rilaxx tal-miżuri

Peress li n-numri għadhom u baqgħu baxxi, Fearne saħaq li mit-Tnejn se jkunu jistgħu jiġu rrilaxxati aktar miżuri, hekk kif kien tħabbar.

Għalhekk, mit-Tnejn:

  • se jkunu qed jiftħu l-ħwienet u anke jibdew jingħataw is-servizzi mhux essenzjali;
  • se jiftħu wkoll il-mużewijiet;
  • il-gruppi fil-pubbliku se jkunu qed jitilgħu għal erba’ persuni; u
  • f’dar jistgħu jinġabru sa erba’ households.

Qal ukoll li fil-ġranet li ġejjin, jekk is-sitwazzjoni tibqa’ taħt kontroll, il-Gvern se jħabbar it-tielet fażi tar-rilaxx tar-restrizzjonijiet li tidħol fis-seħħ fil-ġimgħat li ġejjin.

More in Politika