Bartolo jħabbar żewġ skemi oħrajn: Għas-settur tal-konferenzi u għal aktar postijiet ta' akkomodazzjoni

Żewġ skemi ġodda:  Għajnuniet għal guest houses, boutique hotels, holiday furnished flats kif ukoll għas-settur tal-Konferenzi

Illum il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo ħabbar skema ta' €1.5 miljun għas-setturi tal-holiday furnished flats, guesthouses, boutique hotels, lukandi ta' żewġ stilel kif ukoll għas-settur tal-Konferenzi. 

Dan wara skemi oħrajn li ħabbar il-ġimgħa l-oħra biex jgħinu fl-irkupru tal-istaġun turistiku li mistenni jiftaħ fl-1 ta' Ġunju li ġej. 

Dawk li għandhom guest house jew boutique hotel se jieħdu €1,000 għal kull stabbiliment, filwaqt li lukandi ta' żewġ stilel se jieħdu €500 għal kull stabbiliment.  Hostels u holiday furnished flats se jieħdu €250 għal kull proprjetà.  Dawn il-flus se jingħataw bil-patt u l-kundizzjoni li jintefqu fuq marketing tal-proprjetà, bil-Gvern jaċċerta li dan huwa l-każ qabel jgħaddi l-flus. 

Intant il-Ministru ħabbar skema oħra, din id-darba għas-settur tal-konferenzi li se tiswa' €4 miljuni.  Permezz ta' dan l-inċentiv il-Gvern se joffri €75 meta n-nefqa tkun ta' bejn €600 u €800 għal kull delegat, u rifużjoni ta' €150 għal kull delegat meta n-nefqa taqbeż it-€800 għal kull delegat. 

Bartolo qal li din l-iskema se tapplika għal konferenzi li jibdew mil-lum, għal gruppi ta' minimu ta' 10 minn nies, li jridu jqattgħu minimu ta' żewġ iljieli fil-pajjiż. 

"Ġimaghtejn ilu gejt bi pjan responsabbli, sabiex ngħinu lin-nies, li nassiguraw illi t-turiżmu u allura jirkupra l-pajjiż kollu," qal Bartolo. Huwa saħaq li l-ewwel żewġ skemi ħolqu interess qawwi b'75% tal-lukandi eleġibbli diġà għamlu kuntatt dwar l-iskema li tagħti inċentivi lil dawk it-turisti li jibbukkjaw direttament mal-lukanda, sa massimu ta' €200. 

More in Politika