Il-Kummissarju għall-Istandards isib li l-Ministru Abela għamel użu ħażin minn fondi pubbliċi

Carmelo Abela għamel użu ħażin minn fondi tal-Ministeru għax użahom biex ippubblika riklam b'ritratt kbir tiegħu fil-ġurnali

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler ikkonkluda li l-Ministru Carmelo Abela għamel użu ħażin minn fondi pubbliċi meta kkummissjona riklam ta’ paġna sħiha li kien fih ritratt prominenti tiegħu innifsu. Ir-riklam deher fil-maġġoranza tal-gazzetti tal-Ħadd 18 ta’ Ottubru 2020, ġie deskritt bħala "evidentement intiż biex jippromwovi lill-Ministru billi kien fih informazzjoni minima."

Il-Kummissarju investiga l-każ wara li sar ilment minn Robert Aquilina, President tal-għaqda voluntarja Repubblika. Hu ssottometta r-rapport tiegħu lill-Kumitat Permanenti tal-Parlament għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fis-17 ta’ Marzu 2021, u fl-14 ta’ April il-Kumitat aċċetta li r-rapport għandu jiġi ppubblikat.

Il-Ministru Abela ġie investigat fid-dawl tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari. Il-punti ewlenin fl-investigazzjoni kienu dawk ta’ separazzjoni xierqa bejn l-irwol ta’ ministru u dak ta’ membru ta’ partit politiku; rispett għall-prinċipju ta’ imparzjalità tas-servizz pubbliku; u diliġenza fl-użu ta’ riżorsi pubbliċi.

Il-Kummissarju osserva li l-Ministru pprova jiddefendi r-riklam billi jsejjaħlu “advertorial”. Biss, ir-riklam ma setax jitqies bħala advertorial billi kien fih informazzjoni mill-inqas u kien jinkorpora ritratt ta’ nofs paġna li ma kellu ebda skop ħlief li jsaħħaħ il-profil pubbliku tal-Ministru. Hyzler ikkonkluda wkoll li l-Ministru ma kienx messu talab uffiċjali pubbliċi japprovaw infieq għal dan l-iskop.

Il-Kumitat għall-Istandards jista’ jaqbel jew ma jaqbilx mar-rapport. Jekk il-Kumitat jaqbel mar-rapport, huwa fid-diskrezzjoni tiegħu li jikkunsidra x’rimedju għandu jittieħed.  Il-kampanja ta’ pubbliċità kkummissjonata mill-Ministru Carmelo Abela swiet €7,012.97.

Il-Kummisarju Hyzler, f'każi bħal dawn fir-Renju Unit, il-flus jitħallsu lura.

'Il-Ministru Carmelo Abela għandu jirrifondi l-flus li nefaq fuq dan ir-riklam' - Repubblika

Min-naħa tagħha, Repubblika insistiet li dan l-inċident jorbot ma inċidenti oħra fejn ministri abbużaw minn fondi pubbliċi biex jagħmlu reklami għalihom infushom.

Intant huma qalu li qed jistennew li l-Parlament Malti isegwi l-proċeduri adottati f’demokraziji serji u jordna lill-Ministru Abela biex jirrifondi l-flus pubbliċi li nefaq biex jagħmel reklam għalih nnifsu. Repubblika temmet tgħid li tistenna wkoll li l-Gvern jagħmel regoli u linji gwida biex dan l-abbuż jinqata’ darba għal dejjem, partikolarment issa li qed toqrob l-elezzjoni ġenerali.

More in Politika