Proġetti ta' restawr u konservazzjoni fl-Imġarr u Ħad Dingli b'investiment ta' €217,000

Opri ta' arti , statwi u niċeċ restawrati f'dawn iż-żewġ lokalitajiet ...

Il-Knisja Parrokjali tal-Imġarr
Il-Knisja Parrokjali tal-Imġarr

Ilbieraħ ġew inawgurati diversi proġetti ta’ konservazzjoni u restawr fil‑parroċċi ta’ Ħad‑Dingli u l‑Imġarr permezz tal‑ħidma li saret mill‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Il‑proġetti saru b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal‑Unjoni Ewropea, b’investiment totali ta’ €217,000.

Il‑proġetti ġew inawgurati mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.

Is‑Segretarju Parlamentari spjega kif b’fondi Ewropej qed jiġu preservati artefatti sagri varji li għandhom storja rikka ħafna.

F’Ħad‑Dingli ġew irrestawrati diversi opri tal‑arti: 17‑il pittura tal‑Via Sagra, il‑pedestall u n‑niċċa tal‑Madonna tar‑Rużarju, u l-istatwa tas-seklu sittax ta’ San Ġwann Battista, li hi maħsuba li nġiebet Malta mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. L‑investiment f’Ħad‑Dingli ammonta għal €99,000.

Fl‑Imġarr sar it‑tindif tal‑pannella tal‑mużajk mal‑frontispizju (pediment) tal‑knisja parrokkjali. Peress li l‑pannella hija maqsuma f’ħames biċċiet, dawn kellhom jinħattu kollha biex isir ir‑restawr tal‑mużajk. Kien hemm ukoll diversi biċċiet tal‑mużajk neqsin li saru mill‑ġdid. Din l‑opra tal‑arti, li turi l‑Madonna mtella’ s‑sema, saret fl‑1945 u hija l‑uniku xogħol li sar matul it‑Tieni Gwerra Dinjija u li nġieb Malta mill‑Italja. L‑investiment fl‑Imġarr ammonta għal €118,000.

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi saħaq li b’dawn il‑fondi Ewropej qed inkomplu nsaħħu l‑partimonju ekkleżjastiku u nagħmluh aktar sinjur biex jitgawda mhux biss mill‑Maltin u l‑Għawdxin iżda anke minn dawk kollha li jiġu Malta. Huwa ħabbar kif hemm numru ieħor ta’ paroċċi li se jkunu qed jibbenefikaw minn dawn il‑fondi biex verament dan il‑proġett ikun wieħed ħolistiku li jħalli impatt pożittiv li jinħass minn kulħadd.

Aktar tard din is‑sena se joħorġu sejħiet għall‑offerti għal proġetti ta’ restawr u konservazzjoni fl‑Arkivji fi ħdan il‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana u fil‑Palazz tal‑Arċisqof fil‑Belt Valletta,  u għal proġetti oħra fil‑parroċċi tal‑Qrendi, il‑Ħamrun, iż‑Żurrieq, Bormla, Ħaż‑Żebbuġ, l‑Imsida, Ħal Kirkop, Tas‑Sliema (San Girgor), il‑Belt Valletta, u l‑Furjana.

Waqt l‑inawgurazzjoni ta’ dawn il‑proġetti, l‑Isqof Joseph Galea Curmi qal li l‑Knisja f’Malta, preżenti fid‑diversi komunitajiet parrokkjali u komunitajiet oħra tagħha, tgħożż il‑wirt li rċeviet u taħdem biex tħarsu bis‑sħiħ sabiex il‑ġenerazzjonijiet futuri jkollhom patrimonju li jurihom l‑għeruq.

Ix‑xogħlijiet ta’ restawr f’Ħad‑Dingli u l‑Imġarr huma s‑seba’ u t‑tmien proġetti ta’ restawr u konservazzjoni li tlestew s’issa minn total ta’ 32 proġett.  Fix‑xhur li għaddew ġew inawgurati proġetti simili fil‑Bidnija, il‑Mosta, l‑Imdina, Ħal Balzan, Raħal Ġdid, u Ħal Tarxien.

Is-Seg. Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi mal-Isqof Awżiljarju Galea Curmi
Is-Seg. Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi mal-Isqof Awżiljarju Galea Curmi

More in Politika