Deputati jitolbu investigazzjoni wara li rapport fuq il-Ministru Carmelo Abela spiċċa f'idejn il-midja

Intant Repubblika tikteb lill-Prim Ministru biex iċanfar lill-istess Deputati li mhux se jkunu qed jattendu l-laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika

Il-Ministru Edward Zammit Lewis u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, Glenn Bedingfield li huma membri fil-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, talbu lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex tinfetaħ investigazzjoni dwar leaks li fi kliemhom qed isiru kontinwament.

Dan wara li, fi kliemhom, rapport kunfidenzjali tal-Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja pubblika ġie leaked qabel kellu jkun diskuss fl-istess kumitat.

Il-każ jirreferi għal rapport dwar il-Ministru Carmelo Abela wara li rapport fuq is-sit Newsbook, ippubblikat ilbieraħ, qal li l-Kummissarju għall-Istandards ikkonkluda li l-Ministru kiser l-etika meta uża fondi pubbliċi biex jagħmel riklami tiegħu nnifsu fuq il-gazzetti.

"Il-ġurnalist għandu kull dritt li jfittex l-informazzjoni. In-nuqqas hu ta’ min hu fil-pussess ta’ dan ir-rapport u ġie jaqa’ u jqum mill-proċeduri tal-Kumitat imsemmi," insistew id-Deputati.

Fakkru kif fi stadju inizzjali, rapporti bħal dawn jingħataw biss lill-membri ta’ dan il-kumitat.

"Dan il-każ huwa turija ċara kif din il-leak hija attakk fuq il-proċess Parlamentari," insistew id-Deputati.

Intant, l-organizzazzjoni Repubblika bagħtet ittra lill-Prim Ministru Robert Abela titolbu jieħu azzjoni immedjata konta dawn iż-żewġ Deputati u akkużawh li l-fatt li mhux se jattendu għal din il-laqgħa huwa "logħob pwerili u insulent lejn il-Poplu."

Fakkru li l-laqgħa li kellha ssir illum suppost saret tliet ġimgħat ilu iżda l-istess żewġ Deputati telqu ' barra. "Issa qed tinġieb l-iskuża li l-laqgħa għandha titħassar. Fil-frattemo għandek rapport li jista' jkun li jindika li Ministru Abela kiser il-Kodiċi tal-Etika," kompliet l-organizzazzjoni.

Insistew li dan l-aġir biddel il-Parlament f'post fejn grupp ta' nies jgħattu lil xulxin u l-għemil tagħhom mill-Poplu.

"Meta tonqos milli tieħu azzjoni, issir responsabbli tan-nuqqasijiet tagħhom," qalet Repubblika.

More in Politika