Camilleri jgħid li Abela għamilha ċara internament li mhux interessat jaħdem miegħu u ma' nies bħalu

Mark Camilleri jgħid li l-Prim Ministru, kuntrarjament għal dak li qal ilbieraħ, mhux vera jrid jaħdem miegħu ... minn naħa tiegħu Jeremy J Camilleri jgħid li r-referenza għalih hija sinjal ta' rispett

F'messaġġ twil li tella' fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook Mark Camilleri - iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb - sostna li l-Prim Ministru Robert Abela mhux talli jrid jaħdem miegħu, talli skont Camilleri kien wera' internament "ma' delegati fil-PL li mhuwiex interessat jaħdem miegħi u ma' nies bħali. Jiddispjaċini, imma dik hi l-verità."

Huwa qal illi b'daqshekk qalbu mhux miksura, anke jekk il-partit lanqas biss ħallieh ikompli x-xogħol relatat mal-librerija u l-arkivjar.

Ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela qal li hu jrid ikompli jaħdem ma' nies bħal Mark Camilleri, Jeremy J Camilleri u anke Lynn Chircop.

Mark Camilleri saħaq li mhux vera hemm rieda li jinbidlu l-affarijiet u li l-problema mhijiex ta' erba' minn nies, imma ħafna ikbar minn hekk.  Camilleri jgħid li l-problema hija kif issir il-politika u l-ekonomija f'Malta. 

Nixtieq nirrispondi għar-reazzjonijiet tal-Kap tal-Partit Laburista u Prim Ministru Robert Abela u Deputat-Kap Daniel...

Posted by Mark Camilleri on Thursday, April 8, 2021

"Ħu mill-Partit Laburista. Ħafna MPs ġodda fil-PL, konsulenti fil-Gvern li daħħal Joseph Muscat bħal Robert Musumeci u oħrajn, għamlu karriera jivvutaw lill-PN. Ma fiha xejn ħażin li tbiddel il-politika tiegħek, tinbidel u jkollok moħħok miftuħ imma dawn huma nies li daħlu mal-PL biex jakkwistaw għalihom u mhux għax ġew imdawlin bl-għerf," saħaq Camilleri li kien ukoll delegat tal-Partit Laburista. 

Minn naħa l-oħra Jeremy J Camilleri wera' apprezzament għal kliem il-Prim Ministru u saħaq li dan juri d-differenza bejn il-PN u l-PL.  "Il-PN kkritikajtu u sawwatni, il-Labour nikkrittikah u jibqa' jurini rispett," sostna Camilleri. 

 

More in Politika