Keith Schembri jinżamm arrestat il-ħabs ... akkużat b'korruzzjoni, xhieda falza u frodi

Keith Schembri ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest u se jinżamm arrestat il-Ħabs ta' Kordin flimkien ma' numru ta' persuni oħrajn, fosthom missieru

Keith Schembri ħiereġ mill-Qorti
Keith Schembri ħiereġ mill-Qorti

L-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri, qed ikun akkużat b'korruzzjoni, xhieda falza u ffalsifikar u kellu l-assi tiegħu ffriżati - mill-ġdid.  Ma' Schembri ġew akkużati ukoll, missieru - Alfio Schembri, Malcolm Scerri  - sieħeb ta' Keith Schembri fin-negozju u Robert Zammit. 

Il-Maġistrat Charmaine Galea ma aċċettatx it-talba ta' ħelsien mill-arrest u wara li qalet illi dawn huma reati serji u ladarba l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin dawn ma jistgħux jingħataw il-ħelsien mill-arrest.  Dan ifisser li llejla Schembri, flimkien ma' Scerri, Zammit u ma' missieru jinżammu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. 

L-akkużi fil-każ kontra Schembri huwa mifhum li jduru ma' allegazzjoni li kienu għaddew €650,000 minn Hillman għal għand Keith Schembri, liema pagamenti saru minn kumpaniji u strutturi "sigrieti."

 L-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, kien allega li Schembri uża kumpanija f’Ġibilta, jisimha Malmos, kontijiet oħra fl-Iżvizzera u f’Ġibilita u anke kontijiet fil-Bank Pilatus biex għadda flus lil Hillman.

Iktar kmieni Brian Tonna, Karl Cini, Manuel Castagna u Katrin Bondin Carter kienu akkużati u ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest. 

 

More in Politika