Intervista u Filmati | 'Qed navvanzaw għax qed niġġeddu ... l-għan tiegħi huwa li niggverna'

Is-sit illum.com.mt jistaqsi lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech x'jaħseb u x'kien jagħmel differenti fuq il-Covid-19, dwar is-sondaġġi, Adrian Delia, id-dejn tal-PN u l-kirjiet ...

Il-Kap tal-PN Bernard Grech
Il-Kap tal-PN Bernard Grech

Din il-ġimgħa kienet - mill-ġdid - iddominata mill-pandemija u miżuri li l-Gvern kellu jieħu biex jibda jikkontrolla n-numri tal-imxija li laħqu rekord assolut, kif ukoll in-numri fl-ITU (sal-Ġimgħa 34 persuna u tinfetaħ il-ħames ITU). 

Il-gazzetta ILLUM tibda tintervista lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech billi tfakkru li minkejja t-tbatijiet li qed isofru eluf ta' negozji, jibqa' fatt li l-pandemija hija realtà dinjija.  Ma jaħsibx li qed ikun wisq partiġġjan meta jitfa' l-ħtija kollha fuq il-Prim Ministru?

Grech jibda billi jirrikonoxxi li l-pandemija hija realtà globali, imma jisħaq illi l-ebda Prim Ministru - skont hu - ma daħak bil-poplu tiegħu.  "F'dan il-pajjiż il-Prim Ministru daħak bil-poplu Malti." 

"Il-poplu dejjem kien lest li jagħmel is-sagrifiċċji, imma l-PM kien jaf li hemm ir-riskji u d-diffikultajiet, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-varjant." 

Grech jisħaq illi l-poplu kien ilu minn Diċembru jaf li hemm il-varjant u ftit wara wasal Malta, "u konna nafu x'ħerba jista' jħalli.  Trid tkun irresponsabbli tara realtà tiżviluppa quddiemek u tinjoraha u għalhekk (is-sitwazzjoni preżenti) hija responsabilità tal-Prim Ministru." 

Il-Kap tal-PN saħaq illi kien hemm mumenti fejn il-Prim Ministru seta' sema' mill-pariri li hu jgħid li kienet qed tagħti l-Oppożizzjoni, "imma daħak bina.  Allura llum qed naraw li s-sitwazzjoni reġgħet ħarbet minn idejn il-pajjiż.  Jiena meta jkolli marda u ma naċċettax li jiena marid u ma mmurx għall-kura, il-kwistjoni se tikber."  Hu akkuża lil Abela li ma ħax l-affari bis-serjetà, ta impressjoni tas-sitwazzjoni li - skont Grech - ma kinitx korretta u llum "l-għażla tiegħu qed taffetwa lilna lkoll." 

"Aħna pproponejna per eżempju li nagħmlu programm qawwi ta' screening fil-portijiet u fl-ajruport tagħna.  Jekk hemm bżonn iva, nonfqu l-miljuni fejn meħtieġ," qaImma l-PN x'qed jipproponi? l Grech. 

Hu insista illi l-miżuri li saru issa kienu "inevitabbli" 

Grech issejjaħ dak ta' bħalissa bħala lockdown u jfakkar li hawn eluf ta' anzjani li ilhom sena ma jistgħu joħorġu imkien u jaraw lil qrabathom għal ħin limitat biss minn wara perspex. 

"Sidien u ħaddiema huma preokkupati għax il-futur tagħhom jinsab fid-dubju.  Pajjiżi oħrajn qed jibdew jiftħu, iħarsu lejn l-istaġun tas-sajf, qed jibdew jirċievu l-bookings mit-turisti ... min kien bilgħaqal illum se jibda jaqta' l-frott.  Min ma kienx bilgħaqal illum se jkollu - u aħna miegħu (ma' Robert Abela) - jibda jbati l-konsegwenzi." 

Imma Bernard Grech għandu soluzzjonijiet? 

Kieku kellu jneħħi miżura li saret u jżid miżura li ma saritx, liema jagħmel Grech? 

Bernard Grech hawnhekk jibda jitkellem fuq ir-ristoranti u jgħid li dawn ma kinux il-kontributuri ewlenin tal-imxija tal-Covid-19.  Imma jieqaf hemmhekk u jdawwar l-argument fuq it-trasport pubbliku. 

Grech, ifakkar li t-traposrt pubbliku huwa eżempju ċar ta' post fejn  - skont hu - in-nies ma jkunux f'bubbles u fejn mhux neċessarjament ikun hemm id-distanza soċjali.  Hu jgħid illi hemm bżonn isir aktar tindif ta' spiss u iktar infurzar. 

Fil-fatt il-Malta Public Transport qed taħsel il-vetturi kuljum u persuni mill-infurzar ġieli telgħu wkoll fuq tal-linja. 

Intant lura għal Grech.  Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna illi kien il-PN li ppropona illi t-tobba tal-familji jibdew jamministraw il-vaċċin, "u jumejn ilu l-Gvern ħabbar li t-tobba se jibdew jamministraw il-vaċċin.  Bħal tal-vawċers din - daħku bina u ftit wara wettquha u kienet waħda mill-aktar miżuri li għenet lin-negozji," sostna.  

Huwa qal li l-PN jipproponi "ħalli jsir il-ġid, jagħmlu min jagħmlu."

Għalliema tal-istess diviżjoni jieħdu l-vaċċin fl-istess ħin

Mit-Tnejn tidħol il-miżura tal-iskejjel, li jifsser illi l-istituzzjonijiet kollha edukattivi jridu jagħlqu.  Naturalment soluzzjoni assoluta ma hemmx, pero' x'jaħseb li għandhom ikunu l-miżuri biex jilqgħu għal din id-daqqa li se jaqilgħu ħafna ħaddiema li ma jistgħux jagħmlu telework?
Grech jisħaq illi s-sitwazzjoni diġà ma kinitx waħda ward u żgħar, imma issa jgħid li se jiżdiedu l-problemi.  Ifakkar lill-gazzetta ILLUM li ħafna studenti fl-edukazzjoni terzjarja diġà mhux qed imorru l-iskola, filwaqt li ħafna studenti tal-primarja u sekondarja mhux qed imorru għaliex għalliema qed joħorġu għal xi ġranet minħabba l-effetti tal-vaċċin. 

"Numru ta' għalliema qed jieħdu l-vaċċin tal-AstraZeneca u qed jibqgħu xi ġranet id-dar minħabba l-effetti.  Apparti problemi ta' loġistika ... kellek ħafna għalliema kollha tal-istess diviżjoni qed jieħdu l-vaċċin f'daqqa.  U x'ġara?  Kollha baqgħu d-dar minħabba l-effetti, fl-istess ħin ... li jfisser li l-lezzjonijiet saru mid-dar jew ma sarux.  Għalhekk l-ippjanar huwa importanti," sostna Grech. 

Dwar tal-monti - fejn mill-ġdid hawnhekk kien hemm inċertezza dwar min jista' u ma jistax jarma minkejja stqarrija ċara tal-Ministeru tas-Saħħa mal-illum.com.mt li ma jistgħux - il-gazzetta ILLUM staqsiet lil Grech jekk jemminx li dawk li jbiegħu prodotti essenzjali għandhom jarmaw. 

Grech jaqbel illi dawk li jbiegħu prodotti essenzjali, "jekk ikun meħtieġ iwettqu miżuri u jsibu mezz kif xorta jkunu jistgħu jaħdmu."

'L-għan tiegħi huwa li niggverna ...'

Induru fuq l-aħħar sondaġġ xjentifiku ppubblikat fuq il-gazzetta Maltatoday u li juri kif minkejja titjib li qed jirreġistra Grech, il-PN għadu 23,000 vot minn taħt - minkejja li qegħdin f'nofs l-agħar kriżi ekonomika sa mit-Tieni Gwerra Dinjija. 
Onestament, Grech jemmen li għandu ċans jirbaħ l-elezzjoni li jmiss? 

"Nemmen iva li kapaċi, imma moħħi bħalissa mhux fuq il-voti, imma fuq is-saħħa, il-ħajja, l-ekonomija, il-ħaddiema ..."

Il-gazzetta ILLUM tfakkru illi biex ikun fil-Gvern, voti għandu bżonn. 

"Iva vera u se naħdmu biex il-PN isir l-għażla naturali tal-poplu.  L-għan ta' partit huwa li jiggverna u l-għan tiegħi huwa li niggverna, imma fl-istess ħin ma nagħmilx ħsara lil pajjiżi." 

Huwa sostna illi huwa vera li qed isiru avvanzi elettorali għall-PN u qal illi dan qed iseħħ għax  - skont hu - il-PN qed jiġġedded, qed joħroġ bi proposti u qed "jitkellem man-nies."

Delia, donazzjoni u double standards

Fl-aħħar ġimgħat Adrian Delia kellu donazzjoni li għadda lid-Dar tal-Providenza u li ma kinitx aċċettata wara li kien determinat illi s-sorshuwa xi ftit jew wisq dubjuż.  Kieku kien Ministru tal-Gvern preżenti Delia, Grech kien jitlob għar-riżenja, imma f'dan il-każ ma għamel xejn.  Mhux double standards dawn? 

Grech ammetta li ma kienx jaf bid-donazzjoni u qal illi Delia ma għaddiex donazzjoni imma "wegħda ta' donazzjoni" 
Saħaq biss li se jibqa' diliġenti u iebes ma' dawk il-membri u deputati tal-PN li jonqsu, "kif naqset Rosianne Cutajar meta ħadet €9,000," qal Grech f'referenza għall-allegata senserija li ħadet l-eks Segretarju Parlamentari. 

'L-importanti mhux li jkollok id-dejn, imma li d-dejn tħallsu ...'

Induru lejn id-djun tal-PN.  Aktar minn €30 miljun li minnhom - irrappurtat din il-gazzetta - €12-il miljun huwa dejn mal-Gvern f'bolla, VAT u kontijiet tad-dawl u l-ilma.  Bħalissa kif inhi s-sitwazzjoni finanzjarja li huwa wiret u li issa ilha tintiret?  Il-PN għandu finanzi biżżejjed fis-sod biex imur għal kampanja elettorali? 

Filwaqt li jgħid li ċ-ċifra mhijiex daqstant kbira (ma jgħidx kemm) jisħaq li dak li huwa "żgur huwa li writtha, anke jekk dan ma jfisser xejn u ma jbiddel xejn." 

Huwa qal li l-importanti, mhuwiex li jkollok id-dejn u jfakkar illi biex tixtri d-dar tagħmel id-dejn.  "L-importanti li inti tkun qed tħallsu d-dejn." 
Jammetti li l-Covid-19 ħalliet effett iżda jgħid ukoll li se jkompli jara li l-partit jkabbar id-dħul tiegħu u jkollu fond apposta għall-kampanja elettorali. 

"Aħna l-kontijiet li nippreżentaw (tal-PN), nippreżentawhom kif suppost," temm jgħid fuq dan il-punt. 

Il-kirjiet: Akkomodazzjoni soċjali jew ibiegħu l-proprjetà lill-inkwilin/familja tal-inkwilin

Kwistjoni li dwarha tkellem ħafna Bernard Grech kienet dik li titratta l-kirjiet protetti ta'  qabel l-1995.  Il-Gvern ħabbar bidliet li se jaraw lis-sidien jieħdu ħafna aktar flus mil-lum u lill-inkwilini protetti permezz ta' massimu ta' €10,000 li se joħroġ il-Gvern għad-differenza fl-għoli tal-kirjiet.  Kulħadd kellu kliem ta' tifħir għal dawn il-bidliet, ħlief il-PN li qal illi huwa ftit wisq u tard wisq.  Imma allura x'inhu biżżejjed għall-PN wara snin twal illi fihom ma sar xejn?

Grech beda billi qal illi fl-2010 saru bidliet "u jiena se niddefendi dak li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti ta' qabel - għamilna ħafna ġid għall-pajjiż kollu u dan ma jista' jeħodulna ħadd," saħaq Grech. 

Huwa qal illi l-Gvern Laburista ma għamel xejn mill-2013 sa issa u allura jisħaq illi l-problemi baqgħu jikbru b'mod sostanzjali speċjalment meta l-Qorti kienet qed tiddeċiedi favur is-sidien. 

"Għalfejn għandu jkollok eluf ta' kawżi l-Qorti qabel tieħu azzjoni?  Għalfejn għandu jkollna mijiet ta' anzjani fil-periklu li jispiċċaw barra minn darhom qabel nieħdu azzjoni?  Għalfejn ngħaddu lin-nies minn kawżi fuq kawżi qabel nindirizzaw din il-problema?" 

Huwa qal li dak li ppropona l-Gvern illum huwa "eżatt bħal dak li wettaq fuq iċ-ċnus, jiġifieri irriċikla l-istess ħaġa."  Kompla jispjega li kif għamel il-liġi l-Gvern jekk is-sidien iridu jibbenefikaw ma jistgħux imorru l-Qorti u jitlolbu l-proprjetà lura.  Grech insista illi s-sidien il-proprjetà tagħhom iridu, "il-proprjetà li diġà ssellfu fuqha biex iħallsu t-taxxa tas-suċċessjoni għaliha u li jixtiequ jgħaddu lil binhom jew binthom, minflok dawn iħallsu s-self fuq dar oħra."  

Għalhekk Bernard Grech qal li s-soluzzjonijiet huma tlieta.  L-ewwel, proġetti ta' akkomodazzjoni soċjali aggressivi ta' postijiet li ma jintirtux, il-possibilità li s-sidien jbiegħu l-proprjetà lill-inkwilini u finalment jekk dawn ma jistgħux, li jkunu jistgħu jbiegħu l-proprjetà lit-tfal jew qraba tal-inkwilini, b'inizzjattivi finanzjarji mill-Gvern. 

'Minn issa diġa' għandna  bżonn aktar ħaddiema f'ċerti oqsma'

U finalment il-gazzetta ILLUM tistaqsi lil Bernard Grech dwar il-ħaddiema barranin.  Meta l-ekonomija terġa' tibda tirkupra u tikber dawk l-eluf ta' ħaddiema barranin li telqu probabbilment se jerġgħu jibdew ġejjin.  Jemmen li għandu jkun hemm kriterji partikolari għal meta jkunu deħlin in-nies hawn, forsi kriterji relatati mat-tip ta' impjieg li se jkollhom fil-pajjiż? 

"Iva, meta nirkupraw probabilment ikollna influss mill-ġdid.  Issa rridu nidentifikaw l-oqsma illi fihom għandna bżonn il-ħaddiema," beda jwieġeb Grech. 

Huwa qal illi eżempju partikolari huwa l-qasam tas-saħħa fejn numru ta' infermiera telqu mill-pajjiż u marru r-Renju Unit u l-Irlanda minħabba pagi u burokrazija.  Huwa jirrikonoxxi li l-Gvern fil-fatt ħabbar miżuri biex jindirizza din is-sitwazzjoni għalkemm qal ukoll li dawn se jgħoddu biss għall-infermiera tal-Gvern u mhux għal operaturi oħrajn, fosthom care homes.  Grech għalhekk ippropona li l-Gvern jestendi dawn il-miżuri għal aktar nies.  

"Mela llum stess, qabel l-ekonomija tikber diġà għandna bżonn nattiraw Maltin u anke barranin li jiġu u jagħmlu korsijiet tan-nursing f'Malta," temm l-intervista l-Kap tal-PN Bernard Grech. 

More in Politika