'Abela ma qalx il-verità meta qalilna li ma hemmx politiċi implikati fl-assassinju ta' Daphne'

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jfakkar illi l-Koħħu ingħata l-proklama u jistaqsi għalfejn il-PM 'għaġġel' meta qal li ma hemmx politiċi involuti fl-asassinju ta' Daphne Caruana Galizia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech - meta kien qed jiġi intervistat mis-sit illum.com.mt - qal illi l-Prim Ministru Robert Abela ma qalx il-verità meta sostna li ma hemmx politiċi implikati fil-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.  "Il-verità jafha min wettaqha, pero' hemm implikazzjoni ċara issa - implikazzjoni ta' persuna li ngħatat l-proklama biex jixhed.  Mela li qed ngħidu illi nemmnuh, qed nagħtuh kredibilità u qed nagħtu każ x'inhu jgħidilna," sostna Grech fil-konfront tal-Koħħu. 

"Għaliex Robert Abela ġera daqshekk biex iserħilna rasna li ma hemmx politiċi fl-assassinju?" staqsa Grech.

Għall-mistoqsijiet ta' dan is-sit, li fakkar illi nies bħal Keith Schembri u Chris Cardona kellhom iwarrbu meta sar Prim Minstru Robert Abela, Grech saħaq illi filwaqt li fil-każ tal-istorja dwar it-taxxi tiegħu, skont hu, Abela mar iċempel lill-Kummissarju tat-Taxxa, "u ndaħal.  Illum qed jiddefendi."  Il-Kap tal-PN reġa' staqsa allura għalfejn il-Prim Ministru qal li sa meta tkellem ma kienx għadhom ġew implikati politiċi f'dan il-każ.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien qal f'konferenza wara l-arresti tal-Maksar li mill-investigazzjonijiet sa issa ma jirriżultax li hemm persuni li huma jew kienu konnessi mal-politika li huma marbutin mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u jfakkar li hemm diversi każi li qed jiġu investigati u li fihom hemm implikat Vince Muscat.  Qal iżda li wieħed irid iħalli l-investigazzjonijiet "intensivi" jieħdu l-kors tagħhom.

"U jiena nfakkar ukoll x'kien qalilna Joseph Muscat meta sostna illi għandu żrara fiż-żarbun.  Issa jgħidilna hu għal liema żrara fiż-żarbun qed jirreferi," sostna Bernard Grech li fakkar illi minkejja rebħiet kbar Muscat kellu jirriżenja. 

Dalgħodu l-eks Ministru Chris Cardona ċaħad dak li qal il-Koħħu u ddeskriva x-xhieda tiegħu bħala "ġenn" u "gideb sfaċċat".  Ilbieraħ il-Koħħu xehed illi hu kien iwassal lil Alfred Degiorgio Kastilja bejn erba' u ħames darbiet u Degiorgio kien qallu illi kien qed jiltaqa' ma' Chris Cardona biex jikseb informazzjoni dwar Daphne Caruana Galizia.  Hu qal ukoll illi Degiorgio kien qallu illi Cardona kellmu dwar xi €150,000. 

(L-intervista kollha mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech se tkun ippubblikata nhar il-Ħadd li ġej fuq il-gazzetta ILLUM)

More in Politika