Intervista | Nannu, lettur fl-Università, espert tal-Għarbi u Papàs; L-ILLUM tiltaqa’ mal-Professur Martin Zammit

Ma tantx jagħmel ħoss għax flimkien ma’ sħabu jaħdem mis-skiet ta’ knisja żgħira  fil-qalba tal-Belt Valletta. L-ILLUM tiltaqa’ mal-Papàs Martin Zammit u miegħu tesplora aktar il-Knisja Griega Kattolika. Hemm differenza bejn il-Kattoliċi Latini u l-Kattoliċi Griegi? Jekk le għaliex il-quddiesa tagħhom issir b’rit differenti? U jekk huwa saċerdot kif inhu miżżewweġ u saħansitra huwa nannu?

Fi Triq l-Arċisqof fil-Belt Valletta, biswit il-Palazz tal-Gran Mastru wieħed jilmaħ knisja magħrufa bħala tad-Damaxxena, wara ikona antika mmens li wieħed isib f’din l-istess knisja. Malli jirfsu fil-bieb tagħha ħafna jaħsbu li din hija knisja tal-Ortodossi, meta fil-verità hija knisja Kattolika, l-istess bħal mijiet tal-knejjes li wieħed isib mifruxa madwar Malta u Għawdex. L-uniku differenza hija li f’din il-knisja, il-liturġija, fosthom il-quddiesa, tiġi ċċelebrata b’dak magħruf bħala r-Rit Biżantin jew Grieg meta l-Maltin imdorrija bir-Rit Latin. Imma dan kollu xi jfisser? Dwar dan il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Papàs (saċerdot normali imma tar-Rit Biżantin), il-Professur Martin Zammit.

L-ILLUM bdiet tistaqsi lil Papàs (li ġejja mill-kelma Papà, missier) jekk id-differenza fir-rit tfissirx li hemm xi differenza fit-twemmin. Assolutament le, beda jweġibna. Tissejjaħ Knisja Griega Kattolika għax il-lingwa liturġika hija l-Grieg u għax bdiet mal-Griegi li waslu Malta mal-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-1530.

“Anke jekk illum minn dawn il-Griegi Kattoliċi ma fadal kważi xejn, tibqa’ tissejjaħ hekk għax il-Liturġija hija Griega u ċ-ċerimonjal huwa Grieg, jiġifieri ssibu fil-Greċja u l-pajjiżi l-oħra fejn hemm ir-Rit Biżantin,” spjega l-Papàs.

Jiġifieri ma hemmx differenzi fit-twemmin?

Għalhekk, fi kliem sempliċi, dan huwa rit wieħed biss li wieħed isib fil-Knisja Kattolika. Fi ħdan il-Knisja hemm diversi riti (saħansitra anke l-Knisja f’Milan għandha rit għaliha, Ambrożjan) u r-Rit Biżantin huwa wieħed minnhom. Fil-fatt, minn ħafna bliet fl-Orjent ħareġ rit partikolari, l-istess kif pereżempju l-Karmelitani jew id-Dumnikani għandhom ukoll ir-rit tagħhom.

Biex nifhmu aħjar li ma hemm l-ebda differenza, il-Papàs spjega kif il-Papa tiegħu huwa l-Papa Franġisku u l-Arċisqof tiegħu huwa Charles Scicluna. Jien, li jien Kattoliku, nista’ nipparteċipa fil-quddiesa tar-Rit Biżantin, l-istess kif nipparteċipa fil-quddiesa tar-Rit Latin u anke nirċievi s-sagramenti kollha. Saċerdot tar-rit Latin jista’ jikkonċelebra ma’ saċerdot ta’ rit Biżantin u viċi-versa. Jekk wieħed jara quddiesa tal-Papa, ġeneralment l-Evanġelju jinqara darbtejn, bir-rit Latin u bir-Rit Biżantin. Hemm Kardinali li huma ta’ riti differenti u tarafhom mill-ilbies liturġiku.

Il-Knisja Griega Kattolika fil-Belt Valletta
Il-Knisja Griega Kattolika fil-Belt Valletta

“It-twemmin kollu ta’ Ruma, bid-dommi u t-teoloġija b’kollox huma l-istess bħal dawk tal-Knejjes Kattoliċi Orjenatali. Il-Kattoliċi li llum jaqbżu l-biljun ruħ mhumiex biss Latini/Rumani imma fosthom hemm minoranza ta’ 20 miljun li huma f’għaqda sħiħa mal-Papa u li jsegwu r-Rit Biżantin,” spjega l-Papàs Zammit.

Fil-fatt, jekk aħna f’Malta mdorrija bir-rit Latin, jekk se tmur l-Ukraina se ssib aktar ir-rit Biżantin. Jissejjaħ Biżantin għax ħareġ minn Bizanzju, li mbagħad sar Kostantinopli u li llum huwa l-Istanbul.

Imma fil-Knisja għaliex hawn dawn ir-riti kollha u mhux wieħed? Hemm diversi raġunijiet, spjega l-Papàs, fosthom anke komunitajiet Ortodossi fil-Lvant li talbu li jidħlu taħt is-Santa Sede, anke minħabba raġunijiet politiċi. 

Imma kif waslu f’Malta?

Komplejna nħarsu lejn l-istorja, bil-Papàs jispjega kif il-Griegi li ġew f’Malta mal-Kavallieri minn Rodi kienu Ortodossi (mifruda mill-Knisja ta’ Ruma fix-xiżma tal-1054) imma kienu jgħixu f’għaqda mal-Kattoliċi, minkejja xi differenzi bejniethom. Tant hu hekk li meta waslu f’Malta, l-Isqof ta’ Malta kien tahom tliet knejjes fil-Birgu. 

“Kienet sitwazzjoni kważi kważi stramba. L-Ortodossi f’komunjoni mal-Kattoliċi. Tant tħalltu mal-Maltin li maż-żmien il-komunità tagħhom sfat fix-xejn. Dak huwa l-bidu tagħna. Għalhekk kulma tara fil-knisja tagħna jfakkar fit-tradizzjoni Ortodossa, anke fejn jidħlu l-ikoni u l-pożizzjoni tagħhom,” spjega.

Fil-fatt, anke jekk illum il-komunità hija waħda żgħira, hija waħda storika u importanti, bil-Papàs jisħaq li jsibu appoġġ kbir mill-Arċisqof Scicluna li jrid din il-knisja aktar miftuħa għal venerazzjoni, inkluż tal-ikoni.

L-ikoni li ġabu l-Kavallieri...

Din il-knisja, li għamilna l-intervista fiha, hija magħrufa bħala tad-Damaxxena jew ta’ Damasku wara ikona antika mmens li hemm meqjuma fiha. Din, flimkien ma’ żewġ ikoni oħra (fosthom  l-Eleimonitra li tinsab ukoll f’din il-knisja) ġabuhom magħhom il-Kavallieri.

L-ikona tad-Damaxxena (kopja għax l-oriġinal qed tiġi rrestawrata)
L-ikona tad-Damaxxena (kopja għax l-oriġinal qed tiġi rrestawrata)
L-ikona tad-Damaxxena (kopja għax l-oriġinal qed tiġi rrestawrata)
L-ikona tad-Damaxxena (kopja għax l-oriġinal qed tiġi rrestawrata)

Tissejjaħ ta’ Damasku minħabba leġenda li tgħid li din inqalgħet minn postha u mxiet fl-arja minn Damasku għal Rodi. Fil-fatt, f’Damasku għad hemm knisja li fiha wieħed isib kopja ta’ din l-ikona.

“Din hija tas-seklu tnax. Hija l-eqdem oġġett reliġjuż, bħala ikona, li hawn f’Malta,” saħaq il-Papàs. Sal-lum din tgawdi minn devozzjoni kbira u kienet ġiet inkurunata fl-1931, fl-anniversarju tal-Konċilju ta’ Efesu (431WK) meta l-Madonna kienet iddikjarata Omm Alla. Dik is-sena kien sar pellegrinaġġ Marjan kbir b’din l-ikona.

L-ikoni huma ċentrali fil-liturġija Biżantina...

Fil-fatt, meta wieħed jidħol fi knisja tar-Rit Biżantin ma jsib fiha l-ebda statwa iżda ikoni biss li mhumiex qiegħdin hemm biex iżejnu (bħal pitturi fil-knejjes Latini), imma għandhom irwol ċentrali mmens fil-liturġija.

“Aħna, anke waqt il-liturġija, għandna bżonn l-ikoni. Ninċensaw l-ikoni waħda waħda. Dawn huma l-qaddisin madwarna. Il-qaddisin, flimkien mal-poplu, jiġifieri l-Knisja kollha, qed jagħmlu l-offerta,” spjega l-Papàs. “L-ikoni mhux f’posthom f’salott jew f’mużew.”

Insista li l-ikoni huma twieqi. Fil-fatt, spjega, ikona tajba jkollha pespettiva bil-kontra. F’pitturi mdorrija naraw perspettiva minn barra għal ġewwa. 

“F’ikona tajba, il-perspettiva tkun bil-kontra, ħierġa lejk. Hemm il-moviment mill-eżistenza l-oħra għal din ir-realtà, għal materjalità tagħna,” spjega. “Huma wkoll kanal ta’ grazzja. Ikona hija venerata.”

Apparti minn hekk, ikona mhux taraha, imma taqraha. Kollox huwa simbolu, ibda mill-kuluri, spjega l-Papàs. Kristu se tarah liebes l-aħmar li jfisser divinità u l-blu li jfisser l-umanità. Warajh u wara l-qaddisin, se ssib id-deheb, li jfisser l-eternità li mhijiex materjali u għalhekk jintuża l-uniku kulur li mhuwiex fil-qawsalla. 

F’ikona ġieli jkollok aktar minn episodju wieħed. Pereżempju f’ikona partikolari tal-Milied li wieħed isib f’din il-knisja, l-għar jixbaħ ħafna l-qabar. “Aħna ma nistgħux nieqfu mal-Milied,” spjega.

Paranteżi żgħira. Anke jekk fil-knejjes tar-Rit Biżantin ma ssibx statwi imma ikoni, ta’ min isemmi li l-istatwa tal-irxoxt tal-Belt, ħafna snin ilu, kienet ta’ din il-knisja. Fil-fatt, ħafna għadhom jirrakkontaw kif il-Beltin kienu jmorru jħabbtu lill-Papàs, anke mal-lejl wara l-quddiesa ta’ Sibt il-Għid, biex itihom l-Irxoxt ħalli jagħmlu festa.

Ir-Rit Biżantin u s-simboliżmu warajh... 

Il-quddiesa bir-Rit Biżantin hija mimlija simboliżmu. Maċ-ċensier, pereżempju, wieħed se jsib tnax-il ġonġol li jissimbolizzaw l-ilħna tal-appostli.

Apparti minn hekk, kif spjegat qabel, kull ħaġa li tara f’din il-knisja, bħal knejjes l-oħra tar-rit Biżantin, għandu funzjoni. Fin-nofs, mifrud b’kanċell hemm is-Santwarju, fejn isir is-sagrifiċċju tal-quddiesa, bħall-artal. Fuq kull naħa tal-kanċell, hemm żewġ bibien. Mhux qiegħdin hemm għall-estetika. It-tnejn li huma għandhom funzjoni u għalhekk se ssibhom dejjem.

Mal-Papàs dħalna ftit f’dawn is-simboliżmi u d-differenzi fil-liturġija, anke jekk bħal quddiesa Latina, għandha kemm il-Liturġija tal-Kelma u dik Ewkaristika. 

Uħud mill-ikoni fil-Knisja tad-Damaxxena
Uħud mill-ikoni fil-Knisja tad-Damaxxena
Uħud mill-ikoni fil-Knisja tad-Damaxxena
Uħud mill-ikoni fil-Knisja tad-Damaxxena

Pereżempju minn wieħed minn dawn il-bibien isiru żewġ “purċissjonijiet.” L-ewwel waħda tissejjaħ “il-ħruġ iż-żgħir,” u ssir bil-ktieb tal-Evanġelju. 

“Il-bieb huwa essenzjali. Kollox għandu funzjoni,” tenna.

Minn dan il-bieb toħroġ ukoll ‘purċissjoni,’ magħrufa bħala “il-ħruġ il-kbir” bl-offerta tal-ħobż u l-inbid.

Interessanti li fir-rit Biżantin ma jintużawx ostji imma ħobż u jiġi ppreparat bilfors mis-saċerdot qabel il-quddies, b’rit li jieħu madwar 20 minuta. Il-Papàs spjegalna kif jiġi ppreparat il-ħobż pass pass, għax kull biċċa ħobż, anke skont il-forma tagħha, tfisser xi ħaġa.

Fuq il-patena (bħal platt), fin-nofs, titpoġġa biċċa ħobż forma ta’ kaxxa li tissombolizza l-Ħaruf (Kristu). Kull biċċa ħobż oħra tissimbolizza l-arkanġli, il-Madonna, San Ġwann Battista, l-Appostli u oħrajn. Biċċiet oħrajn huma l-offerta tal-Papa, l-Arċisqof, il-ħajjin u l-mejtin. Ma’ kull biċċa ħobż li titpoġġa hemm talba. 

“Fuq il-platt hemm il-Knisja kollha. Is-Saċerdot jissimbolizza lil Kristu. Huwa Kristu li qed iqaddes. Mela hu Kristu li qed joffri dan kollu lil Missier. Aħna ngħidu Kristu huwa l-offerta u dak li jagħmel l-offerta,” spjega l-Papàs waqt li tenna li l-essenza tal-quddiesa hija l-istess.

Hemm differenza żgħira oħra fejn jidħlu s-Sagramenti. Tarbija tingħata s-Sagrament tal-Magħmudija, l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma fl-istess quddiesa.

Apparti minn hekk, fi knisja tar-Rit Biżantin ġeneralment issir quddiesa waħda filgħodu għax għandek ċiklu. Il-Liturġija tibda bl-Għasar (talb ta’ filgħaxija), il-kompita (qabel l-irqad), fil-festi l-kbar ġieli jkollok lejl sħiħ ta’ talb, il-Matutin (talb ta’ filgħodu) u l-liturġija tilħaq il-qofol tagħha bil-quddiesa.

Kont taf li l-bajda tal-Għid ġejja mill-Orjent?

L-Għid huwa wara l-bieb u dalwaqt jibda l-bejgħ tal-bajd. Imma kont taf li t-tradizzjoni tal-bajd tal-Għid ġejja mill-knejjes tal-Orjent u hi xi ħaġa sagra?

Il-Papàs Zammit spjega kif il-bajda hija simbolu ta’ ħolqien ġdid. Bħala parti mir-rit taċ-ċelebrazzjoni tal-Għid, il-Papàs iqassam bajd iebes ikkulurit lill-kongregazzjoni, liema bajd ikun imbierek.

“Ġeneralment ikun miżbugħ aħmar, simbolu tad-divinità. Hemm talba apposta biex dan jitbierek. Kien hemm Maltin li kienu jieħdu dan il-bajd imbierek u jpoġġuhom wara l-vettrina jew it-twieqi biex jipproteġu kontra s-sajjetti,” kompla jispjega.

Għaliex sar saċerdot ta’ dan ir-rit? U kif inhu miżżewweġ?

Martin Zammit huwa Professur tal-Università. Huwa saħansitra espert tal-Għarbi fejn kien anke traduttur tal-Prim Ministru Mintoff. Espert ukoll tal-Malti u l-Grieg. Imma huwa wkoll miżżewweġ, missier u nannu! Mela kif erba’ snin ilu sar saċerdot? U għaliex għażel dan ir-rit?

Il-Papàs spjega kif hu trabba fl-ambjent Latin bħall-bqija tal-Maltin. Kien abbati fil-knisja ta’ San Franġisk tal-Belt Valletta imma din il-knisja tal-Griegi, li kien jgħix ftit ‘il bogħod minnha, kienet tiġbdu ħafna, anke minħabba l-ikoni. 

F’din il-knisja, snin ilu, huwa saħansitra żżewweġ. 

Is-Santwarju (l-artal)
Is-Santwarju (l-artal)

“Qatt ma kelli l-ħsieb li nqaddes. Imma l-pjan ikun qed jinħadem mingħajr ma inti tkun taf,” saħaq il-Papàs. Fil-fatt, kien il-Papàs George Mifsud Montanaro li kien staqsih jekk jitħajjarx iqaddes.

“Lanqas tant ħadtha bi kbira. Kont drajt il-liturġija. Hawn kienet qisha t-tieni dar. Ġiet naturali ħafna,” saħaq il-Papàs u lanqas ma sab oppożizzjoni mill-familja. “Kont nitlob għat-tfal biex xi ħadd jordna u spiċċajt ordnajt jien. Ma qattx naħseb jekk in-nies jew sħabi tal-università kinux se jidħku bija. Ġiet naturali.”

Kif jista’ jiżżewweġ? X’jaħseb fuq iċ-ċelibat?

Imma kif saċerdot tar-rit Latin ma jistax jiżżewweġ u dak tar-rit Biżantin jista’? Il-Papàs spjega kif il-Vatikan għandu żewġ kodiċi (liġijiet), wieħed għall-Orjentali u l-ieħor għal-Latini.

Fil-każ tal-Latini, iċ-ċelibat huwa obbligu imma għall-Orjentali le, għalkemm min se jordna qassis, irid ikun iżżewweġ qabel.

Mistoqsi kif iħares lejn iċ-ċelibat, il-Papàs insista li dan huwa importanti u huwa don kbir għal min jirnexxielu jgħixu. 

“Huwa sabiħ iżda mhux għal kulħadd. Importanti imma mhuwiex l-uniku triq. Il-Knisja stess tippermetti li hemm toroq l-oħra. L-istess kif saċerdot jista’ jagħżel li jew ikun reliġjuż u għalhekk jgħix f’monasterju jew kunvent jew inkella jibqa’ fid-djoċesi,” saħaq il-Papàs Zammit.

Irrakkonta kif hu qatta’ ftit żmien fil-Kulleġġ Grieg ta’ Ruma, fejn is-seminaristi kważi kollha kellhom l-għarusa.

“Kif ilestu s-seminarju u jmorru lura f’pajjiżhom, l-ewwel ħaġa li jagħmlu huwa li jiżżewġu, ftit wara jordnaw djakni u mbagħad jordnaw saċerdoti. Ġeneralment ikun ir-rettur tagħhom li jagħmlilhom dan kollu,” saħaq. 

‘Ġejt milqugħ tajjeb ħafna ħafna’

L-ILLUM tistaqsih jekk qattx kien hemm Maltin li forsi nġibdu lura minnu għax jafu li hu saċerdot iżda miżżewweġ fl-istess ħin.

“Qatt. Ġejt milqugħ tajjeb ħafna. Jiena saħansitra kont għamilt l-irtir tal-Kappillani,” saħaq, waqt li tenna li dejjem jistagħġeb bir-rispett li jagħtih l-Arċisqof Scicluna.

Minkejja dan kollu, anke għax forsi jista’ jkun hawn min din il-ħaġa ma jifhimix, jippreferi li jżomm lura u jaħdem fis-skiet.

“Jiena ma rridx noħloq konfużjoni. Nibqa’ f’posti. Minn hawn jien nista’ nagħmel ħafna ġid. Qatt ma ħsibt li hawn daqshekk problemi. Hawn sabiħ għax aħna komunità żgħira u kulħadd għandu interess ġenwin f’xulxin,” temm jgħid l-Papàs. “Naħseb li dan huwa l-futur tal-parroċċi tagħna u ma fiha xejn ħażin. Hekk kienu l-ewwel knejjes u wara kollox Kristu qal: fejn tnejn jew tlieta huma miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom.”

More in Politika