Miżuri u 'attakki' fuq id-drittijiet sesswali u riproduttivi tal-mara: Ħarsa madwar l-UE

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn id-drittitijiet tan-nisa marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta ..

Nhar il-Erbgħa li għadda, fil-Parlament Ewropew seħħet diskussjoni rigward l-impatt ta' miżuri u attakki fuq id-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa b'aċċenn partikolari fuq il-Polonja. Id-diskussjoni ġiet organizzata f’Brussell, mill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u Affarijiet Interni (LIBE) u l-Kumitat tad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (FEMM). 

“Taħt il-liġi internazzjonali u Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-Istati Membri tal-UE għandhom id-dmir li jieħdu passi effettivi biex jirrispettaw u jipproteġu s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa.” Dan intqal minn bosta kelliema li ħadu sehem fosthom miċ-chairman tal-kumitat FEMM, l-MEP Awstrijakka, Evelyn Regner mill-Partit tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew.

L-Abort madwar l-Ewropa

Skont iċ-Ċentru għad-Drittijiet Riproduttivi u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, fl-Unjoni Ewropea, l-abort fuq talba (fejn id-deċiżjoni tittieħed mill-mara biss) huwa legali f’bosta pajjiżi fosthom fl-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u l-Iżvezja.

Minkejja li l-abort hu legali f’dawn il-pajjiżi, ma jfissirx li l-aċċess għall-abort hu faċli. Fil-Ġermanja, l-abort hu legali iżda min jagħmel l-abort hu kriminal taħt għajn il-liġi sakemm ma sarx f’ċirkostanzi partikolari. Apparti minn hekk, il-proċedura trid issir fi żmien ta’ 12-il ġimgħa mill-konċepiment.

Fi 15 il-pajjiż tal-Unjoni Ewropea inkluż l-Italja u Spanja, mara xorta hi mitluba li tistenna għal perjodu ta’ żmien obbligatorju bejn id-data li fiha jintalab l-abort u d-data li jsir fiha. 

Fi 12-il pajjiż, inklużi l-Ungerija u l-Ġermanja, in-nisa huma obbligati li jisimgħu pariri kif ukoll jirċievu informazzjoni mit-tobba tagħhom qabel ma jitolbu għall-abort.

F’bosta pajjiżi inkluż il-Kroazja u l-Italja, it-tobba jitħallew jirrifjutaw li jgħinu fit-twettiq tal-abort speċjalment jekk jiddikjaraw lilhom infushom bħala Kattoliċi.

Intant sitt pajjiżi Ewropej ma jippermettux l-abort fuq talba jew għandhom liġijiet restrittivi ħafna fosthom Monako, Malta u issa l-Polonja. 

Monako jippermetti l-abort biss meta s-saħħa jew il-ħajja ta’ mara tkun f’riskju, fil-każ ta’ stupru jew minħabba difetti tal-fetu. Il-Polonja kienet tippermetti liġijiet simili bħal Monako sa’ qabel l-Erbgħa 27 ta’ Jannar. Fil-preżent, l-abort fil-Polonja huwa permess biss f'każijiet ta’ stupru, inċest jew meta t-tqala thedded il-ħajja tal-omm. 

Madankollu Malta tibqa’ l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea li tipprojbixxi l-abort f’kull ċirkostanza anke jekk il-mara tkun fil-periklu li titlef ħajjitha. 

Morning-after pill f’Malta

Kontraċettiv ta’ emerġenza, magħruf bħala morning-after pill tirreferi għal kontraċettiv għan-nisa li jistgħu jużaw biex jipprevjenu t-tqala sa’ wara 72 siegħa mil-att sesswali. Il-morning-after pill mhix pirmla abortiva, tista biss tipprevjeni t-tqala billi twaqqaf jew tittardja l-ovulazzjoni.

Sa Diċembru tal-2016, il-morning-after pill ma setgħatx tiġi mixtrija mill-ispiżeriji lokali, iżda issa hija disponibbli mill-ispiżeriji lokali mingħajr il-bżonn ta’ riċetta tat-tabib. Spiżjara jistgħu jirrifjutaw li jbigħulek din il-pirmla, iżda huma obbligati jinfurmawk dwar spiżjara oħra li jiddisponuha. 

Il-proċedura bejn l-ispiżeriji mhix uniformi, hemm min jistaqsi għall-aktar informazzjoni u hemm min jaqbad u jbiegħha bla ebda ħsieb. Il-Karta tal-identita tiġi mitluba kważi dejjem u  bħala professjonisti, l-ispiżjara kollha huma mitluba jaqdu lill-klijent mingħajr ġudizzju u jżommu kunfidenzjalità.

Diffikultajiet li jostakolaw is-saħħa sesswali u riproduttiva tal-mara

Apparti liġijiet u prattiċi li għal-uħud jinstegħmu konservattivi hemm ukoll diffikultajiet oħra li jostakolaw is-saħħa sesswali u riproduttiva ta’ mara. 

Fosthom hemm finanzi, nuqqas ta’ aċċess għall-edukazzjoni u nuqqas għall-aċċess għal kontraċettivi moderni. Hemm ukoll stereotipi li jagħmlu ħsara u joħolqu ċertu stigma.

F’uħud mill-pajjiżi li legalizzaw l-abort, in-nisa jiffaċċjaw ostakli xorta waħda fosthom nuqqas ta’ standards adegwati ta’ kura tas-saħħa u rispett għad-drittijiet tan-nisa waqt it-twelid f’diversi żoni tal-Ewropa.

Is-sehem tal-Kummisarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Helena Dalli fid-diskussjoni ta’ nhar il-Erbgħa 

Helena Dalli f’din id-diskussjoni tkellmet fuq kif nisa li huma affettwati minn leġiżlazzjoni kontra l-abort xorta ħa jkollhom bżonn l-abort, anke jekk hu illegali. "Dan jaf iwassal għal proċeduri illegali li jaf jġib riskji kbar fuq il-ħajja tal-mara". Skont hi nisa b'diżabilitajiet, nisa bi problemi finanzjarji u immigranti nisa huma fost dawk li huma l-iktar vulnerabbli f'sitwazzjonijiet bħal dawn u m'għandhomx fejn iduru għall-għajnuna.

Intant Dalli fakkret li l-Kummissjoni Ewropea mhijiex legalment kompetenti biex timponi liġijiet tal-abort, madankollu hi kompliet billi fakkret l-Istati Membri bid-dmir tagħhom li jirrispettaw d-drittijiet fundamentali tal-bniedem li jorbtuhom bis-saħħa tal-kostituzzjonijiet u l-liġi internazzjonali.

Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lin-nisa kollha b'kura u servizzi aċċessibbli, bi prezz raġonevoli, ta' kwalità tajba għas-saħħa sesswali u riproduttiva, inkluż Malta. 

More in Politika