Filmat | Il-PM jinsisti li se jistenna r-rapport ta' Hyzler qabel jieħu aktar deċiżjonijiet fuq Cutajar

Abela jisħaq li ma jistax jieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq rapporti fil-midja

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li se jkun qed jistenna r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler qabel ma jieħu aktar deċiżjonijiet fuq id-Deputata Rosianne Cutajar.

Wara laqgħa tal-kabinett, il-Prim Ministru kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk ir-riżenja ta' Cutajar għandhiex issir definittiva wara aktar rapporti li ħarġu fuq ir-relazzjoni bejnha u Yorgen Fenech, l-allegat mandant fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Cutajar irriżenjat il-ġimgħa li għaddiet minn Segretarju Parlamentari sakemm il-Kummissarju Hyzler itemm l-investigazzjoni tiegħu. Hija qed tibqa' tiċħad li qatt għamlet negozju ma' Fenech.

Rapporti qed jallegaw li hi ħadet madwar €46,500, €9,000 direttament mingħand Fenech, għax kienet qed tgħinu jixtri proprjetà fl-Imdina, ftehim li waqa' għax Fenech ġie arrestat b'rabta mal-assassinju ta' Caruana Galizia.

"Ma nistax nieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq rapporti fil-midja," saħaq Abela waqt li tenna li se jistenna l-investigazzjoni li għaddejja mill-Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja pubblika.

Aqra wkoll:

More in Politika