Rabja fil-Kabinett dwar kif Cutajar intalbet tirriżenja ftit wara protesta quddiem Ministeru

Membri tal-Kabinett jgħidu mal-ILLUM illi huma rrabjati għall-fatt li Cutajar irriżenjat, ftit biss wara twissija ta' aktar protesti mil-għaqda Repubblika u jisħqu li ħafna Laburisti li qed ikellmuhom ukoll mhumiex kuntenti b'din il-mossa

Rosianne Cutajar
Rosianne Cutajar

Ministri u membri tal-Kabinett differenti esprimew sentiment viċin ta' dak li esprimew bosta partitarji Laburisti din il-ġimgħa fir-rigward tat-tneħħija ta' Rosianne Cutajar, meta tkellmu ma' din il-gazzetta.  Fil-fatt dawn sostnew illi anke jekk Cutajar kellha tirriżenja sakemm tnaddaf isimha, "għallinqas kellha tagħmlu qabel.  Mela membri ta' Repubblika jmorru fuq it-television jheddu bil-protesti u ssir protesta fil-fatt mill-istess għaqda u l-għada tirriżenja Cutajar.  Ġejna qisu bżajna," qal wieħed mis-sorsi. 

Persuna oħra qalet illi l-kuntatt li Cutajar kellha ma' Fenech kien ilu magħruf fiċ-ċrieki tal-Gvern u jekk stess il-Prim Ministru ried jitlob lil Cutajar jirriżenja "messu għamilha ħafna qabel, meta ħarġu l-ewwel stejjer, mhux wara li saret protesta." 

"Hawn ħafna Laburisti rrabjati.  Kulħadd jgħidli l-istess ħaġa dal-jumejn. Tagħna jirriżenjaw għax imorru jipprotestaw ftit nies u tagħhom (tal-PN) dejjem jibqgħu hemm Allajbierek," qal membru tal-kabinett li tkellem mal-ILLUM. 

Il-Prim Ministru Abela dejjem kien jgħid li hu se jiddeċiedi dwar Rosianne Cutajar, ladarba jkun konkluż ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler li qed jinvestiga l-akkużi fil-konfront tal-eks Segretarju Parlamentari.  Minkejja r-riżenja ta' Cutajar, sa issa dan ir-rapport għadu mhux konkluż. 

Cutajar kitbet f'sens li hi rreżenjat minn jeddha, xi ħaġa li s-sorsi tal-gazzetta qalu li mhux eżattament il-każ.  Ilmentaw illi dak li ġara juri nuqqas ta' strateġija minn naħa tal-Partit Laburista u l-Gvern. 

Naturalment dan is-sentiment juri wkoll l-antipatija pubblika li hemm bejn il-Partit Laburista u l-Gvern kontra Repubblika (u viċi versa) li fl-aħħar snin, f'diversi waqtiet u fuq diversi kwistjonijiet  - b'mod speċjali dawk bħal tal-Panama u dawk li jirrigwardaw lil Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat - dehret illi qed tmexxi l-aġenda tal-oppożizzjoni hi u mhux il-PN.  Fil-fatt il-protesti u l-attivitajiet kważi kollha marbutin mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia kienu organizzati minn din l-għaqda. 

Nhar il-Erbgħa 24 ta' Frar Repubblika organizzat protesta quddiem il-Ministeru tal-Ġustizzja illi matulha l-grupp ta' nies li nġabru bdew jgħajjtu biex Cutajar twarrab filwaqt li akkużawha illi tinsab f'but Yorgen Fenech.  Filgħaxija, wara l-iżviluppi relatati mal-Koħħu, kelliem għal Repubblika indika li jekk Cutajar ma titlaqx minn postha il-protesti se jkomplu. 

L-għada l-Ħamis, kmieni wara nofsinhar Cutajar ħabbret ir-riżenja tagħha għall-ilmenti ta' ħafna partitarji Laburisti.

Rosianne Cutajar - flimkien mal-assistent tagħha Charles Farrugia magħruf bħala 'It-Tikka' - huwa allegat li daħlet madwar €46,500 fi flus mhux iddikjarati minn bejgħ ta' proprjetà fl-Imdina lil Yorgen Fenech - liema bejgħ waqa' wara l-arrest tal-istess Fenech b'konnessjoni mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. 

Il-konvenju kien iffirmat f'Mejju 2019 f'Portomaso u Fenech kien ħallas depożitu ta' €300,000 fi flus kontanti.  Cutajar u Farrugia kienu irrapportati illi daħħlu l-flus bħala senserija.  Fil-fatt il-gazzetta The Times irrappurtat kif Cutajar ħadet total ta' €9,000 minn dawn il-flus għaliha, f'senserija filwaqt li l-Ħadd li għadda l-istess gazzetta rrappurtat kif messaġġi tal-Whatssapp bejn Cutajar u Fenech juru li din talbitu għajnuna finanzjarja biex tagħmel sondaġġ fuq id-distrett tagħha.

Cutajar dejjem ċaħdet li ħadet flus minn senserija u sostniet illi qatgħet il-kuntatti kollha minn ma' Fenech wara li kien akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

 

More in Politika