Għandek ġenn biex issiefer? Ħarsa lejn ir-restrizzjonijiet li għadhom imposti fl-aktar destinazzjonijiet popolari mal-Maltin

Wara li l-ġimgħa l-oħra l-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn l-andament tat-tilqim fl-aktar swieq importanti għat-turiżmu f’Malta, illum qed tħares lejn is-sitwazzjoni tar-restrizzjonijiet fl-aktar destinazzjonijiet popolari mal-Maltin

Il-ġimgħa li għaddiet din il-gazzetta tat ħarsa lejn il-progress tat-tilqim f’dawk il-pajjiżi li huma importanti ħafna għat-turiżmu f’Malta, biex mill-aktar fis possibbli dan jerġa’ jieħu r-ruħ. 

Iżda l-Maltin ma jridux jaraw biss lit-turisti ġejjin Malta. Jixtiequ li huma stess ikunu turisti, jippakkjaw, jaqbdu ajruplan u jitilqu btala. Iżda x’issiefer tagħmel jekk tispiċċa msakkar f’lukanda għax kullimkien ikun magħluq jew ikollok issegwi elf restrizzjoni?

Għalhekk, f’dan il-Ħadd, l-ILLUM se tagħti ħarsa lejn ir-restrizzjonijiet imposti fl-aktar destinazzjonijiet popolari mal-Maltin u l-pjani li dawn il-pajjiżi għandhom biex fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin jibdew jerħu l-miżuri u jiftħu l-bibien tagħhom mill-ġdid, dejjem jekk ikun possibbli.

Renju Unit: Mira li n-normalità tirritorna fil-21 ta’ Ġunju

Kmieni din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson żvela l-pjan tal-Gvern biex fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin jibdew jitneħħew ir-restrizzjonijiet stretti li daħlu fis-seħħ biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19 u dan hekk kif ikompli t-tilqim.

Ir-Renju Unit spiċċa fuq għarkupptejh anke minħabba varjant tal-Covid-19 li għalkemm mhuwiex aktar perikoluż mill-virus normali, jinxtered ħafna aktar malajr.

Madanakollu, hekk kif għaddej it-tilqim u jidher li l-każi qed jonqsu, anke jekk għadhom sostanzjali, il-Gvern Ingliż ħabbar il-pjan tiegħu biex b’mod gradwali l-Ingilterra tibda toħroġ mil-lockdown strett li kellha tiffaċċja.

Fil-fatt, il-Prim Ministru Johnson żvela din l-istrateġij. Jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin kif inhuma, jistgħu jaraw ir-restrizzjonijiet kollha jitneħħew sal-21 ta’ Ġunju.

Is-Segretarju għas-Saħħa, Matt Hancock saħaq li jekk kulħadd jikkopera, dawn il-miri jistgħu jintlaħqu. 

Saħaq li fil-futur, il-Gvern irid li l-miżuri, bħall-ilbies tal-maskra, isiru “materja ta’ responsabbilità personali,” aktar milli liġi kif inhuma bħalissa.

Kif se jkunu merħija r-restrizzjonijiet?

  • 8 ta’ Marzu: Jiftħu l-iskejjel kollha b’għadd ta’ miżuri
  • 29 ta’ Marzu: Gruppi ta’ sitt persuni jew żewġ familji jistgħu jiltaqgħu f’ġonna
  • 12 ta’ April: Ħwienet, ħwienet tax-xagħar, gyms, stabbilimenti ta’ ospitalità fuq barra u dawk ta’ akkomodazzjoni jistgħu jiftħu. F’dan iż-żmien tista’ ssir ukoll reviżjoni tar-restrizzjonijiet marbuta mas-safar
  • 17 ta’ Mejju: Żewġ familji jew gruppi ta’ sitta jistgħu jiltaqgħu fuq ġewwa, bħal f’pubs jew inkella fi stabbilimenti oħra tal-ospitalità bħar-ristoranti. Jiftħu wkoll is-swali taċ-ċinema, il-mużewijiet, il-lukandi, spettakli u anke attivitajiet sportivi, fejn sa massimu ta’ 10,000 persuna jistgħu saħansitra jidħlu fil-grawnds. Apparti minn hekk, massimu ta’ 30 persuna se jkunu jistgħu jattendu tiġijiet, riċevimenti u anke funerali.
  • 21 ta’ Ġunju: L-aħħar pass fejn potenzjalment ir-restrizzjonijiet kollha legali fuq il-kuntatt soċjali jkunu jistgħu jitneħħew u saħansitra jinfetħu l-bqija tal-istabbilimenti, inkluż il-clubs.

Il-miri kollha mit-12 ta’ April ‘il quddiem, anke jekk mhux impossibbli “dejjem skont is-Segretajru għas-Saħħa) se jiddependu minn erba’ fatturi importanti:

  • Is-suċċess tal-programm tat-tilqim;
  • l-evidenza dwar kemm il-vaċċin huwa fil-fatt effettiv biex inaqqas l-imxija;
  • l-assessjar fuq varjanti ġodda; u 
  • rati baxxi ta’ infezzjonijiet ġodda.

It-tneħħija tar-restrizzjonijiet se jkunu kkonfermati ġimgħa qabel. Bejn data u oħra se jkun hemm ċans ta’ erba’ ġimgħat biex l-awtoritajiet jassessjaw l-effetti li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet se jkollhom.

Ovvjament, sakemm l-Ingilterra għadha taħt lockdown, l-ivjaġġar kemm domestiku u anke dak estern huwa illegali. Dan mistenni jibqa’ hekk, minn tal-inqas sas-17 ta’ Mejju.

Italja: Restrizzjonijiet fir-reġjuni kollha u l-esperti jridu aktar 

Fl-Italja għad ma hemm l-ebda pjan dwar meta l-ħajja tista’ tirritorna lura għan-normalità. Kif irrapportat il-gazzetta ILLUM bħal-lum ġimgħa, saħansitra hemm xettiċiżmu kemm l-Italja tista’ tilħaq dik magħrufa bħala ‘l-herd immunity’ din is-sena.

Flok naqqsu r-restrizzjonijiet, din il-ġimgħa l-Ministeru għas-Saħħa Taljan ħabbar miżuri aktar b’saħħithom fi tliet reġjuni.

Il-Gvern Taljan kien daħħal sistema ta’ erba’ livelli: abjar, isfar, oranġjo u aħmar. Reġjuni fil-livell aħmar, huma dawk bl-aktar restrizzjonijiet stretti, għax ir-rata tal-infezzjoni tkun għolja.

Minn din il-ġimgħa, ir-reġjun ta’ Campania, li jinkludi l-belt ta’ Napli u r-reġjuni ta’ Emilia Romagna u Molise daħlu fil-livell medju, jiġifieri f’dak oranġjo.

Dan ifisser li se jkunu qed jingħalqu l-bars u r-ristoranti u anke jidħlu fis-seħħ restrizzjonijiet aktar stretti fuq iċ-ċaqliq, hekk kif ir-residenti f’dawn iż-żoni “oranġjo” ma jistgħux iħallu l-villaġġ fejn jgħixu, ħlief għal raġunijiet ta’ xogħol jew emerġenzi.

Intant, kien mistenni li r-reġjun ta’ Valle d’Aosta, fit-Tramuntana tal-pajjiż, jkun l-ewwel wieħed li jinżel għal-livell ‘abjad’ u għalhekk jonqsu ħafna mir-restrizzjonijiet. Madanakollu dan ma seħħx, minkejja li r-rata ta’ infezzjoni ilha tliet ġimgħat baxxa.

F’dawk ir-reġjuni li jaqgħu taħt il-livell abjad ma jkun hemm l-ebda restrizzjoni u jkunu jistgħu jerġgħu jinfetħu l-gyms, il-pixxini, is-swali taċ-ċinema u t-teatri.

Madanakollu, sa issa, l-ebda reġjun ma kkwalifika għal dan il-livell.

Il-preżenza ta’ varjanti ġodda ta’ Covid-19 qed iħasseb mhux ftit lit-Taljani. Il-Gvern il-ġdid Taljan sa issa ma wera l-ebda intenzjoni li jħabbar lockdown strett u dan minkejja li diversi esperti qed jisħqu dwar il-bżonn ta’ miżuri aktar stretti biex dawn il-varjanti jinżammu taħt kontroll waqt li qed jisħqu li s-sistema preżenti mhux qed taħdem.

Ir-reġjuni Taljani bħalissa huma mqassma hekk:

Żona ħamra: L-ebda reġjun

Żona oranġjo: Abruzzo, Campania, Emilia Romagna, Liguria, Molisa, PA Bolzano, PA Trento, Toscana u Umbria

Żona safra: Basilicata, Calabria, Friuli Venezja Giulia, Lazio, Lombardia, Marche, Piemonte, Puglia, Sardenja, Sqallija, Valle Aosta u Veneto

Żona bajda: L-ebda reġjun

Apparti minn hekk bħalissa l-Italja għandha diversi restrizzjonijet fuq l-ivjaġġar. Fil-fatt, ġew imposti restrizzjonijiet fuq dawk li jkunu jridu jidħlu l-Italja u li fl-14-il ġurnata ta’ qabel kienu jew għaddew mir-Renju Unit jew l-Irlanda. Fil-fatt jistgħu jidħlu biss ċittadini Taljani u jridu jipprovdu test negattiv ta’ Covid-19 li jkun sar fis-72 siegħa ta’ qabel.

Sal-5 ta’ Marzu, l-Italja imponiet projbizzjonijiet għad-dħul ta’ persuni li fl-14-il ġurnata ta’ qabel ikunu qagħdu jew għaddew mill-Brażil. Sal-5 ta’ Marzu imponiet projbizzjonijiet għad-dħul ta’ persuni li fl-14-il ġurnata ta’ qabel ikunu qattgħu aktar minn 12-il siegħa fl-Awstrija.

Kull min jidħol l-Italja, anke minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, iridu jippreżentaw test negattiv tal-Covid-19. 

Vjaġġar minn reġjun għall-ieħor fl-Italja wkoll huwa pprojbit. 

Ġermanja: Lockdown sal-Ħadd li ġej iżda l-każi donnhom waqfu jonqsu

Ir-restrizzjonijiet stretti li l-Ġermanja imponiet u li ġew estiżi wara l-14 ta’ Frar, suppost jibqgħu fis-seħħ sas-7 ta’ Marzu, anke jekk min-nhar it-Tnejn li għadda, l-istudenti f’diversi partijiet tal-pajjiż reġgħu rritornaw wara l-bankijiet tal-iskola.

Min-nhar it-Tnejn, infetħu wkoll il-ħwienet tax-xagħar u l-barbiera.

Minkejja dan, l-awtoritajiet tas-saħħa huma kważi kważi ffrustrati għax minkejja li l-każi ma baqgħux jiżdiedu, donnhom ma jridu jinżlu b’xejn.

Fil-fatt, f’żewġ stati biss, jiġifieri Baden-Württemberg u Saarland, ir-rata ta’ infenzjoni, ikkalkulata fuq ġimgħa, hija inqas minn 50 każ għal kull 100,000 resident. Fil-bqija tal-istati federali, jiġifieri 14, ir-rata hija ogħla.

Meta kienet qed tindirizza l-Parlament, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel saħqet li l-ħajja soċjali terġa’ tibda tirritorna lura għan-normal biss meta r-rata ta’ każi ġodda fuq perjodu ta’ sebat ijiem tinżel għal 35 infezzjoni għal kull 100,000 resident. 

Ta’ min ifakkar li r-rata tal-każi l-ġodda kienet ħafna ogħla f’Jannar iżda qed jikber it-tħassib għax ir-rata qed tonqos bilmod ħafna u f’ċertu stati saħansitra qed tibqa’ fl-istess livell.

L-ogħla rata hija ta’ 354 infezzjoni għal kull 100,000 resident fil-Bavarja. 

Bħalissa, fil-Ġermanja, il-ħwienet kollha li mhumiex essenzjali (ħlief dawk imsemmija aktar qabel) huma magħluqa u wieqfa wkoll ħafna mis-servizzi. Ħafna ħaddiema qed jaħdmu mid-dar.

Magħluqa wkoll iċ-ċentri tar-rikreazzjoni, il-faċilitajiet tad-divertiment, il-gyms, il-pixxini, l-ispas, is-swali taċ-ċinema u t-teatri.

Anke l-lukandi huma magħluqa għal raġunijiet turistiċi. 

Ir-residenti f’dawk l-istati jew inkella żoni fejn ir-rata tal-infezjoni hija għolja ħafna, mhux qed jitħallew jivjaġġaw aktar minn 15-il kilometru ‘l bogħod mid-distrett li fih jgħixu. 

Kull familja ma tistax tilqa’ fid-dar aktar minn persuna waħda li ma tgħix magħha.

Fejn jidħol l-ivjaġġar, il-Ġermanja wkoll għandha diversi restrizzjonijiet. Mill-11 ta’ Frar ġie pprojbit ukoll l-ivjaġġar mir-reġjuni fuq il-fruntieri maċ-Ċekja u l-Awstrija minħabba l-preżenza tal-varjanti.

Franza: Għadu fis-seħħ il-curfew ... lockdowns fil-weekends għal Nizza

Franza wkoll qed titħabat biex tnaqqas ir-rata tat-tixrid tal-Covid-19 u dan qed ikollu effett dirett fuq ix-xewqa li jonqsu xi ftit jew wisq ir-restrizzjonijiet.

Bħalissa Franza mhijiex taħt lockdown iżda għal dawn l-aħħar ġimgħat ġie impost curfew strett, fejn ir-residenti ma jistgħux joħorġu minn djarhom bejn is-6pm u s-6am, ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet. 

Filwaqt li l-ħwienet huma miftuħa, ir-restrizzjonijiet qed iżommu ħafna min-negozji magħluqa, fosthom ristoranti u anke l-faċilitajiet tad-divertiment. Il-Gvern qed jagħmel l-almu kollu tiegħu biex jevita t-tielet lockdown nazzjonali. 

L-imxija tal-Covid-19 hija qawwija ħafna, b’mod partikolari, fil-Belt ta’ Nzza u fil-madwar. Tant hu hekk li ż-żona, f’dan tmiem il-ġimgħa kienet taħt lockdown parzjali. L-istess se jiġri bejn nhar il-Ġimgħa u l-Ħadd.

Fil-fatt, f’Nizza, ir-rata hija ta’ aktar minn 700 każ għal kull 100,000 resident. Dan ifisser tliet darbiet aktar mill-medja nazzjonali ta’ 190.

Jaħti għal dan jidher li huwa t-tixrid tal-varjant il-ġdid tal-Covid-19 u anke l-influss ta’ diversi turisti għall-btajjel tal-Milied.

Intant, l-istudenti Franċiżi, f’diversi bliet, fosthom Bordeaux, Grenoble u Lyon, reġgħu rritornaw fl-iskejjel, wara li dawn introduċew test sempliċi għall-Covid-19 li jagħti riżultat fi żmien 40 minuta.

Franza pprojbixxiet ukoll id-dħul ta’ vjaġġaturi minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea.

Kull min jidħol fi Franza jrid jippreżenta test negattiv tal-Covid-19 li jkun fis-72 siegħa ta’ qabel.

Spanja: Reġjuni jnaqqsu r-restrizzjonijiet iżda l-imxija għadha qawwija

Uħud mir-reġjuni Spanjoli bdew jirrilaxxaw ir-restrizzjonijiet li ġew imposti biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19 u dan hekk kif ir-rata tal-infezzjonijiet ġodda bdiet tonqos anke jekk għadha lura ħafna mill-mira li għandu l-Gvern Spanjol.

Fuq skala nazzjonali, ir-rata tal-infezzjonijiet il-ġodda niżlet għal 321 każ għal kull 100,000 ċittadin. F’Jannar ir-rata kienet ta’ 900 każ għal kull 100,000 ċittadin.

Madanakollu, il-Gvern Spanjol kien saħaq li livell “estrem ta’ riskju” huwa dak ta’ 250 każ għal kull 100,000 ċittadin. 

Fir-reġjun ta’ Madrid, ir-rata hija ta’ 427 każ għal kull 100,000 ċittadin. Minkejja li r-rata għadha meqjusa għolja ħafna, fl-aħħar jiem bdew jitnaqqsu r-restrizzjonijiet. Fost oħrajn, il-curfew ma għadux jibda fl-10pm imma fil-11pm u l-barijiet u r-ristoranti qed jitħallew jiftħu sa dak il-ħin.

Apparti minn hekk, fil-kapitali Spanjola u l-madwar tagħha, familji ma jistgħux jitħaltu fid-djar, filwaqt li fil-barijiet u fir-ristoranti ma jistax ikun hemm gruppi ta’ aktar minn erba’ persuni fuq ġewwa u sitta fuq barra. 

Ta’ min isemmi li anke t-tipjip fuq barra huwa pprojbit meta jkun impossibbli li tinżamm distanza ta’ żewġ metri minn persuni oħra.

Fir-reġjun ta’ Katalunja, ir-restrizzjonijiet kollha baqgħu fis-seħħ wara li r-rata tat-tnaqqis fl-imxija, li kienet qed ikun irreġġistrata fil-każi, naqset fl-aħħar jiem.

Anke fir-reġjun ta’ Valencia jidher li se jkunu qed jonqsu r-restrizzjonijiet. F’Jannar ir-rata tal-infezzjoni kienet dik ta’ 1,200 każ għal kull 100,000 persuna, iżda issa niżlet għal 358.

Intant, il-fruntieri tar-reġjun għadhom magħluqa, filwaqt li l-barijiet, ir-ristoranti u l-ħwienet iridu jagħlqu fis-6pm. 

Il-fruntieri Spanjoli huma miftuħa għal ħafna mit-turisti u r-restrizzjonijiet jiddependu skont mill-pajjiż li minnu t-turist ikun ġej.

Madanakollu, vjaġġar bl-ajru jew bil-baħar mir-Renju Unit għalissa huma pprojbiti minħabba l-varjant tal-Covid-19.

Ta’ min ifakkar li Spanja hija fost l-aktar pajjiżi li qed timbotta ‘l quddiem l-introduzzjoni ta’ ċertifikat tal-vaċċin tal-Covid-19 li jkun jista’ jintuża għas-safar u l-ivjaġġar. 

Sospiż ukoll ħafna mill-ivjaġġar mill-Brażil u l-Afrika ta’ Isfel.

More in Politika