'Il-contact tracing waqa' ħafna lura u mhux qed ikun effettiv' - Stephen Spiteri

Jappella lill-Gvern biex jindirizza din il-kwistjoni u jinsisti li għax għandna l-vaċċin qisu għandna kollox taħt kontroll

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li ż-żieda fil-każi tal-Covid-19 hija inkwetanti u l-firxa mhijiex taħt kontroll.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Stephen Spiteri u Claudette Buttigieg appellaw lill-Gvern biex jindirizza l-kwistjoni tal-contact tracing, li waqa' ħafna lura u mhux qed ikun effettiv.

"Ma nistgħux naljenaw lill-poplu li għax għandna l-vaċċin qisu għandna kollox taħt kontroll," insista Spiteri. "Jekk titlef ir-rigni fil-contact tracing tkun tlift kollox u naħseb li dak ġara. Ma tistax tħalli nies li kellhom kuntatt, ixerrdu l-virus, għax inkella l-prinċipju ta' kontroll mhux qiegħed hemm."

Fakkar li l-każi qed jiżdiedu minkejja l-miżuri li huma imposti bħalissa u anke l-programm tat-tilqim u għalhekk saħaq li l-imxija mhijiex taħt kontroll.

Insista, li aktar ma jinfirex il-virus, aktar se tiżdied il-mortalità u anke l-effetti tal-virus fuq il-ġisem ta' dawk li jkunu infettati.

"Għalhekk importanti li jiġu infettati l-inqas ammont ta' nies possibbli," insista Spiteri.

Tkellem dwar l-iskejjel u insista li anke hawn għandu jiżdied il-contact tracing. Irrefera għal każi fuq il-postijiet tax-xogħol fejn ma jkunx hemm biżżejjed distanza bejn l-impjegati.

"Sejjaħna għal aktar sigurtà u infurzar u screening biex taqbad lil min għandu l-virus qabel imur għat-test," insista.

Stephen Spiteri insista li hemm illaxkar iżżejjed anke fejn tidħol il-kwarantina, anke għax wara erbatax-il ġurnata, persuna qed titħalla toħroġ mingħajr ma jsir test jew inkella tirċievi l-ittra bil-permess mill-awtoritajiet.

Dwar il-vaċċin, Stephen Spiteri rrikonoxxa li dan sejjer tajjeb imma saħaq li hemm ukoll nuqqasijiet bħal folol esaġerati ta' nies vulnerabbli jistennew.

"Innutajna nies vulnerabbli u anzjani li waqgħu lura u lanqas ma rċevew appuntament fosthom minħabba nuqqas ta' data," kompla jisħaq Spiteri.

Insista li sa issa ma sar xejn dwar il-proposta tal-PN, milqugħa mill-Gvern, biex il-vaċċin jingħata wkoll mit-tobba tal-familja u fl-ispiżeriji tal-komunità.

Stephen Spiteri tkellem ukoll dwar dik li sejħilha pressjoni fuq l-isptarijiet.

"Tkellimt ma' tobba u professjonisti li jħossuhom għajjiena," insista Spiteri waqt li fakkar li lbieraħ it-tobba żvelaw li se tkun qed tinfetaħ l-aħħar sala tal-kura intensiva li ġiet imħejjija apposta. "L-ITU mhux sodod biss imma trid l-ispeċjalisti," kompla jisħaq Spiteri.

Fakkar li fl-isptar ma hemmx Covid-19 u hemm pazjenti oħra li qed ikunu affettwati b'mod negattiv.

Qal li hemm bżonn ukoll aktar restrizzjonijiet fl-ajruport biex jitnaqqas ir-riskju li jidħlu persuni morda bil-varjanti.

'Hemm anzjani li qed jintesew ... hawn ħafna ansjetà'

Min-naħa tagħha, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg saħqet li hemm nies li ilhom sena msakkra d-dar jew inkella f'dar tal-anzjani.

"L-irresponsabbilità anke fid-deċiżjonijiet tal-Gvern jaffettaw lil dawn in-nies," saħqet Buttigieg.

Insistiet li tkellmu ma' anzjani li għandhom 'il fuq minn 80 sena li baqgħu bla appuntament għall-vaċċin wara xhur sħaħ ta' sagrifiċċju.

"Imbagħad insiru nafu li hemm entita tal-Gvern li tagħmel biss xogħol amministrattiv u ma għandix kuntatt man-nies u l-impjegati ngħataw il-vaċċin. Jista' jkun li hemm loġika wara kollox imma almenu kunu trasparenti u għidulna għaliex," insistiet. "Dan inaqqas l-ansjetà tan-nies. Hawn ħafna ansjetà. Hawn ħafna li ma jifilħux aktar."

Saħqet li l-messaġġi kunfliġenti mill-Gvern, inkluż mill-Prim Ministru, mhux qed jgħinu.

More in Politika