Kirjiet pre-1995 | ‘Is-sid ħaqqu qligħ ġust imma ħadd mill-inkwilini mhu se jitkeċċa’

Il-Ministru Edward Zammit Lewis jgħid mal-gazzetta ILLUM li hija prijorità tal-Gvern li jindirizza l-kwistjoni tal-kirjiet protetti. Jisħaq ukoll kif minkejja li l-inkwilini se jsibu l-Gvern bħala tarka, dawn ma jistgħux jingħataw garanziji li jagħmlu x’jagħmlu se jibqgħu protetti

“Is-sid se jieħu dak li ħaqqu, imma l-inkwilini li ħaqqhom jibqgħu fil-proprjetà se jsibu lill-Gvern bħala tarka biex permezz ta’ mekkaniżmu ġust dawn jibqgħu ssalvagwardjati u protetti f’darhom.” Hekk saħaq il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, Edward Zammit Lewis, mal-gazzetta ILLUM li ltaqgħet miegħu biex tistaqsih x’beħsiebu jagħmel il-Gvern biex jindirizza l-kwistjoni tal-kirjiet ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju 1995.

Fl-aħħar ġimgħat, din il-gazzetta ltaqgħet kemm ma’ inkwlini li jinsabu inwketati u mwerwra li s-sid se jkeċċihom ‘il barra minħabba deċiżjonijiet tal-qrati lokali u anke dik Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, iżda anke ma’ sidien li qed jisħqu li l-liġi kif inhi qed tiddiskrimina kontrihom u tikser id-dritt fundamentali tagħhom li jgawdu l-proprjetà.

Il-Ministru Zammit Lewis saħaq li l-Gvern jaf u jifhem din il-kwistjoni u dak li qed jintqal u qed jaħdem biex jassigura li s-sid jieħu “qligħ ġust,” filwaqt li l-inkwilini, partikolarment dawk li ma għandhomx mezzi, iserħu rashom li mhux se jitkeċċew ‘il barra.

“Jiena s-sitwazzjoni nafha sew għax bħala avukat jiena wieħed minn dawk li l-aktar ħdimt f’dan is-settur tal-kirjiet u taċ-ċnus,” insista Zammit Lewis. Fakkar kif bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni, lura fl-2009, kellu sehem ukoll fir-riforma li kien wettaq il-Ministru ta’ dak iż-żmien, John Dalli.

Dak iż-żmien kienu daħlu fis-seħħ emendi biex jibda jinħoloq aktar bilanċ bejn id-drittijiet tal-inkwilini u l-interessi tas-sidien. Ovvjament kienu emendi li jħarsu lejn ir-realtajiet ta’ dak iż-żmien. Iżda sentenza wara l-oħra tal-qrati, partikolarment f’dawn l-aħħar ftit snin, bdew jiddeċiedu li mhux qed jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità u s-sid mhux jieħu qligħ ġust mill-proprjetà tiegħu.

‘Hemm inġustizzja għas-sid. Inutli nitfawha taħt it-tapit...’

Il-Ministru Zammit Lewis fakkar ukoll li f’dawn l-aħħar snin seħħ fenomenu ieħor fejn il-valur tal-proprjetà sploda, partikolarment f’dawk il-lokalitajiet fejn hemm ħafna minn dawn il-kirjiet protetti, inkluż il-Birgu, il-Belt u Tas-Sliema.

“Il-prinċipju tal-proporzjonalità beda jinkiser b’mod aktar sfaċċat,” insista l-Ministru. “Hemm inġustizzja għas-sid. Inutli nitfawha taħt it-tapit. Minkejja li kien hemm ir-riforma Dalli fl-2019, ħadd ma kellu l-gazz politiku li jindirizza din il-kwistjoni.”

‘Il-Gvern għandu obbligu ... kulħadd għandu jibqa’ f’dahru’

L-ILLUM staqsiet lill-Ministru x’inhuma s-soluzzjonijiet li qed iħares lejhom il-Gvern 

“Hemm soluzzjoni waħda. Ma hemmx ħafna soluzzjonijiet,” insista Zammit Lewis.

Beda jisħaq li l-ewwel u qabel kollox il-Gvern għandu l-obbligu li jassigura li kulħadd jibqa’ f’dahru.

“Se nkun ċar. Il-prinċipju ewlieni huwa li l-Gvern għandu obbligu li jħalli lil kulħadd f’dahru u b’mod sigur,” saħaq il-Ministru. 

Li jrid isir, kompla jisħaq Zammit Lewis, huwa li jkun hemm mekkaniżmu li jistabbilixxi din il-proporzjonalità fid-dawl ta’ dawn is-sentenzi.

Saħaq li Gvern Laburista diġà offra tip ta’ soluzzjoni fl-2018 meta kien indirizza l-kwistjoni tal-kirjiet li joħorġu miċ-ċnus. Fi kliem sempliċi, hemm mekkaniżmu li jagħti l-opportunità lis-sid biex jieħu l-każ tiegħu quddiem il-Bord tal-Kera u jkun jista’ jieħu sa massimu ta’ 2% tal-valur tal-proprjetà.

“Dik is-sistema, bit-tajjeb u l-ħażin tagħha, jekk inħares lura lejha, ngħid li ħadmet. Irridu nsibu mekkaniżmu simili,” saħaq il-Ministru.

‘Il-Qrati qatt ma qalu li s-sid ħaqqu jieħu l-prezz tas-suq’

Iżda l-ILLUM tfakkar lill-Ministru li hemm sidien li mhu kuntenti b’xejn dan u jridu aktar. 

“Il-politiku qiegħed hemm mhux biex iżomm lil kulħadd kuntent u kulħadd iċapċaplu,” wieġeb Zammit Lewis. “Irridu ntuhom il-biċċa tagħhom.”

Hawn irrefera mill-ġdid għas-sentenzi tal-qrati, anke dik ta’ Strasburgu u saħaq li dawn qatt ma qalu li s-sid ħaqqu l-valur tas-suq, imma li jersaq viċin lejh.

Staqsa wkoll jekk fi żmien il-pandemija l-valur tal-proprjetà għadux ta’ sena ilu, għax fi kliemu anke l-kirjiet f’suq liberalizzat qalgħu daqqa.

“Imma iva nemmen, li s-sidien ħaqqhom li jkollhom qligħ ġust imma mhux il-qligħ li jiddetta s-suq,” kompla l-Ministru. “Mill-banda l-oħra, irridu niggarantixxu li l-inkwilin iserraħ rasu li se jibqa’ fil-post.”

Fil-fatt, il-Ministru insista li l-maġġoranza ta’ dawn l-inkwilini għandhom ‘il fuq minn 60 sena u għalhekk ftit li xejn għandhom potenzjal li jdaħħlu aktar flus, għax jew qegħdin jew ħerġin bil-pensjoni.

“Il-Gvern irid isib mekkaniżmu biex iwieżen lil dawn il-familji,” saħaq.

‘F’ċertu sitwazzjonijiet il-kirja għandha tispiċċa’

Mill-banda l-oħra, kompla jgħid il-Ministru, is-sid dejjem għandu jkollu aċċess għall-Bord tal-Kera u aċċess b’mekkaniżmu li f’ċertu ċirkostanzi l-kirja tista’ tispiċċa. 

“Ma nistgħux nagħtu garanziji li inti tagħmel x’tagħmel se tibqa’ fil-proprjetà. Jekk jiena rbaħt miljun ewro f’lotterija, għandi nibqa’ f’kirja li hija ssussidjata? Il-ġustizzja soċjali hija li aħna ngħinu lil min verament għandu bżonn il-protezzjoni,” insista l-Ministru. 

Għalhekk tenna li huwa importanti li l-Bord ikun aktar effiċjenti biex is-sid ikun aktar faċli għalih li jaċċessah u jieħu r-rimedji, dejjem sakemm ma jifthiemx dirett mas-sid, kif jiġri ħafna drabi. 

Saħaq li fl-opinjoni tiegħu, din hija t-triq ‘il quddiem.

“Ma rridux ninsew ukoll il-proġetti tal-Gvern ta’ akkomodazzjoni soċjali li se jagħtu aktar għodda lill-Gvern biex jgħin lil min hu l-aktar vulnerabbli,” kompla.

‘Mhux se nitfgħu l-problema taħt it-tapit’

Saħaq li l-intenzjoni tal-Gvern mhijiex li jitfa’ din il-problema taħt it-tapit u se jkun qed jiffaċċjaha.

“Se niffaċċjawha bil-prinċipju ċar li l-ġustizzja ssir mas-sid iżda l-inkwilini nserħulhom rashom li se jibqgħu jgħixu f’darhom kif qed jagħmlu llum, sakemm iċ-ċirkostanzi tiegħu jibqgħu l-istess,” insista l-Ministru.

Madanakollu, mistoqsi meta l-Gvern se jwettaq din ir-riforma u jekk il-Kabinett iddiskutix proposti, il-Ministru ma weġibx. 

Qal biss li l-Gvern konxju, anke minħabba każi li hemm quddiem il-Qorti u ittri li rċevew in-nies. 

“Hija prijorità tagħna,” temm jgħid il-Ministru. 

More in Politika