'Il-Covid-19 ħarġet aktar fid-deher kemm hawn nies iżolati u waħedhom' - L-Isqfijiet Maltin

L-Arċisqof Charles J Scicluna, l-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma u L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi b'appelli għall-għajnuna u l-maħfra hekk kif jibda l-perjodu tar-Randan

Hekk kif beda r-Randan l-Isqfijiet Maltin għamlu appell għall-għajnuna hekk kif sostnew, f'ittra pastorali, li l-pandemija tal-COVID-19 ħarġet aktar fid-deher "kemm hawn persuni li jħossuhom iżolati u waħedhom, jew b’sens ta’ vojt kbir f’ħajjithom."

L-Arċisqof Charles J Scicluna, l-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma u L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi fakkru illi matul dan iż-żmien żdiedu l-problemi ta’ saħħa mentali u ta’ tbatija fir-relazzjonijiet. "Quddiem ir-realtà ta’ persuni li qed ibatu, nistgħu jew nibqgħu għaddejjin u ma nagħtux każ, jew nieqfu biex ngħinu."

F'dan il-punt huma sellmu lil tant persuni li qegħdin juru "għożża u solidarjetà b’mod konkret ma’ dawn il-persuni vulnerabbli" filwaqt li qalu illi dawn in-nies ifakkruna kemm hu importanti li nisimgħu l-għajta ta’ dawk li qegħdin ibatu.  "Il-Papa Franġisku kontinwament ifakkarna li għandna nisimgħu l-karba ta’ dawk il-persuni li qed ifittxu kenn għax qed jaħarbu minn kriżijiet umanitarji serji, nisimgħu l-istejjer tal-ħajjiet imċarrta tagħhom, u noffru ambjent fejn iħossuhom milqugħa, imħarsa, imwieżna u integrati."

Fl-Ittra Pastorali l-Isqfijiet semmew dawk li sejħu 'ġrieħi' mhux biss personali imma anke fil-komunità u l-ħajja pubblika.  "It-tribaliżmu, ir-razziżmu, il-mibegħda, il-vjolenza domestika, it-tkissir tal-familji, l-użura, l-abbuż mill-akoħol u d-droga, ir-regħba, l-użu ħażin tal-poter, u wkoll it-tkerrih tal-wirt naturali tagħna" qalu l-Isqfijiet huma eżempji ċari ta' dawn il-ġrieħi.

"Jeħtieġ naħdmu biex infejqu l-ġrieħi, u dan nagħmluh bi spirtu ta’ maħfra. Il-maħfra ma tfissirx li ninsew jew li nħallu dak li għaddejna minnu midfun fina, jew li nibqgħu ċassi quddiem dak li hu ħażin u inġust. Il-maħfra ma tfissirx impunità. Il-maħfra tfisser li ma nħallux l-esperjenza ħażina li għaddejna minnha torbotna bi ktajjen u tikkundizzjonana.  Il-maħfra tgħinna noħorġu miċ-ċirku vizzjuż tal-vendetta, waqt li nkomplu naħdmu bis-sħiħ għal dak li hu ġust u sewwa," sostnew Scicluna, Teuma u Galea Curmi. 

L-Isqfijiet temmew jemfasizzaw kemm kull ħajja hija prezzjuża, "maħluqa xbieha ta’ Alla."  U għalhekk appellaw biex tkun protetta dejjem il-ħajja umana.  "Hija din il-protezzjoni tal-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha, li hi l-pedament ta’ kultura ta’ rispett lejn id-drittijiet ta’ kull bniedem. Dawk vulnerabbli u dgħajfa jeħtieġu aktar attenzjoni u kura. Ħadd m’hu żejjed, ħadd qatt ma għandu jiġi eliminat."

More in Politika