'Id-dekriminalizzazzjoni tal-prostituzzjoni se jkollha impatt negattiv fuq in-nisa maqbuda fl-industrija'

Grupp ta' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-nisa jisħqu li ġew injorati kompletament fil-konsultazzjoni dwar ir-riforma li qed jimbotta 'l quddiem il-Gvern

Grupp ta' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-nisa saħqu kif filwaqt li hemm nisa li jagħżlu li jaħdmu fl-industrija tas-sess, dawn huma minoranza u l-maġġoranza assoluta huma nisa sfurzati fil-prostituzzjoni.

Propju għalhekk li emPOWer wera t-tħassib tiegħu dwar l-aħħar kummenti tas-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar meta qalet li l-Gvern qed jaħdem u se jibqa' jaħdem fuq din ir-riforma biex il-prostituzzjoni tkun dekriminalizzata.

Fi kliem emPOWer, dan se jkollu effett dirett negattiv fuq il-ħajja ta' dawn in-nisa vulnerabbli li digà huma maqbuda fl-industrija.

"L-Onorevoli Cutajar jmissha qiegħda fuq quddiem biex tipproteġi lil dawn in-nisa," komplew jisħqu l-organizzazzjonijiet.

Qalu wkoll li mhuwiex minnu li l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-nisa tpoġġew fiċ-ċentru ta‘ din ir-riforma, anzi insistew li l-parir tagħhom ġie kompletament injorat.

Il-pożizzjoni ta' dawn l-organizzazzjonijiet u qablet magħha wkoll il-President Emeritu Marie Louise-Coleiro Preca, huwa li l-pajjiż jimxi fuq il-mudell Nordiku, li jiddikriminalizza l-prostituti iżda jinkrimina lil min jixtri s-servizz tagħhom.

F’dan ix-xenarju, ikomplu jgħidu l-organizzazzjonijiet, il-ħaddiema tas-sess ikollhom iċ-ċans li jfittxu l-għajnuna jekk ikunu jridu.

"Dawn in-nisa ma għandhomx għaliex iħallu l-għażliet tagħhom f’idejn min iħaddimhom, li wara kollox, għandhom f’moħħhom biss l-aġenda tagħhom, li assolutament ma tipproteġix id-drittijiet u l-interessi ta‘ dawn in-nisa," insistew.

emPOWer tifforma parti minn koalizzjoni ta‘ aktar minn 46 NGO. 

L-Għaqdiet li jifformaw emPOWer huma:

  • Business & Professional Women - BPW (Valletta) Malta            
  • Federation of Women Entrepreneurs
  • Malta Association of Women in Business 
  • Malta Foundation for the Wellbeing of Society
  • Malta Girl Guides 
  • Movement Nisa Partit Nazzjonalista 
  • National Council of Women
  • Soroptimist International Malt
  • Women Directors in Malta
  • Young Women Christian Association

More in Politika