Tliet għaqdiet fosthom il-Caritas jisħqu li l-legalizzazzjoni tal-kannabis tibgħat messaġġ ħażin

Huma jipproponu li l-Kummissarji tal-Ġustizzja jkollhom aktar poter biex jaraw każi ta' użu tal-ewwel darba ...

Il-Caritas flimkien mal-Fondazzjoni OASI, l-Aġenzija Sedqa u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija f’Malta sostnew illi l-legalizzazzjoni għall-użu rikreattiv tal-Kannabis "tgħaddi l-messaġġ li din is-sustanza mhix ta’ tant periklu jew riskju jew għandha valur rikreattiv. Din tista’ twassal għal iktar normalizzazzjoni tas-sustanza," sostnew. 

Fi stqarrija konġunta huma fakkru li bis-sigaretti tmut persuna kuljum u 20% tal-kanċer jiġi b’kawża diretta tat-tipjip.  "Is-sigaretti legali imma ma jfissirx li nippromwovuhom bħala sustanza sana għall-benessere tal-bniedem. L-alkoħol u s-sigaretti huma sustanzi legali li jwasslu għall-mijiet ta’ mwiet fis-sena."  Huma għalhekk sostnew illi jekk il-Cannabis tkun legalizzata għall-użu personali tkun iktar diffiċli biex tieqaf minnha jekk tiġi dipendenti fuqha, "peress li ma jkunx hemm pressjonijiet legali fuq il-persuna."

Fl-istqarrija sostnew ukoll illi l-ekonomija s-sewda kapaċi tadatta għal-legalizzazzjoni tal-Kannabis billi traħħas il-prezz jew toffri sustanza iktar konċentrata.

L-għaqdiet sostnew li minkejja dan huma jaqblu li persuna li tinqabad bil-Kannabis, meta jkun ċar li l-ammont ikun għall-użu personali tagħha, m'għandhiex titpoġġa taħt arrest.  "Persuna li tuża l-Kannabis personalment jew għandha dipendenza fuq il-Kannabis jew sustanzi oħra, m’għandhiex tintbagħat il-ħabs jew tinżamm arrestata minħabba l-użu per se.  Mhux ġust lanqas li dawn il-persuni jiġu stigmatizzati," sostnew l-għaqdiet fl-istqarrija tagħhom. 

Huma qed jipproponu wkoll li tissaħħaħ il-liġi tal-2014 b’mod li tagħti iktar setgħa lill-Kummisarju tal-Ġustizzja li jara l-każi tal-first time use (Inqabdu l-ewwel darba) - biex fejn ikun hemm użu problematiku tesiġi li din il-persuna tattendi sessjonijiet ta’ evalwazzjoni tal-użu. 

"Filwaqt li nirrikonxxu li mhux kull min juża l-Cannabis isir dipendenti, u fl-istess ħin l-ebda persuna m’għandha tiġi arrestata fuq pussess sempliċi, bħala soċjetà rridu nevalwaw sew dak li l-iktar ħa jassigura l-ikbar benesseri tas-soċjetà tagħna u nagħmlu minn kollox biex qabel xejn nipprijiretizzaw is-saħħa tat-tfal u l-adolexxenti, il-familja u l-ġid komuni fuq interessi oħra"  

 

More in Politika