42% pożittivi dwar il-prospetti ekonomiċi ... 11% jemmnu li se jkunu agħar bħal dan iż-żmien sena

Sondaġġ tal-Parlament Ewropew juri illi 26% tal-Maltin jaħsbu li se jkunu aħjar fi żmien sena imma 11% jaħsbu li se jkunu agħar

Il-maġġoranza kbira ta’ Maltin jew 91% jemmnu li l-Pjan ta’ Rkupru tal-UE se jippermetti lill-ekonomija ta’ pajjiżna tirkupra aktar malajr mill-effetti negattivi tal-pandemija tal-coronavirus.  Dan jirriżulta fi stħarriġ ġdid ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew u li sar bejn Novembru u Diċembru 2020.  Dan sab żieda ta’ 10%  fin-numru ta’ ċittadini li esprimew immaġni pożittiva tal-UE, għal 50% meta mqabbel mal-Ħarifa tal-2019. Il-Maltin għandhom l-istess fehma tal-medja tal-UE.

66% ta' dawk li pparteċipaw f'dan l-istħarriġ huma ottimisti dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea. Il-Maltin huma t-tieni l-iktar ottimisti, wara l-Iralndiżi b’79%, ċifra li turi żieda ta’ 10% minn Ġunju tas-sena li għaddiet.

Madankollu l-perspettiva individwali ġenerali fl-Ewropa tibqa’ pessimista fid-dawl tal-pandemija li għadha għaddejja: 53% ta’ dawk li wieġbu madwar l-UE jemmnu li s-sitwazzjoni ekonomika f’pajjiżhom se tkun agħar fi żmien sena, milli hi issa. B’mod ġenerali wieħed minn kull ħames parteċipanti (21%) jemmen li s-sitwazzjoni ekonomika nazzjonali għandha titjieb matul is-sena li ġejja. Il-Maltin, bi 42% pożittivi dwar is-sitwazzjoni ekonomika, huma l-eċċezzjoni flimkien mal-Ungeriżi.

Iktar minn nofs dawk li wieġbu (52%) jistennew li l-kundizzjonijiet ta’ għajxien individwali tagħhom fi żmien sena jkunu l-istess bħal-lum, filwaqt li 56% tal-Maltin jemmnu hekk. Kwart ta’ dawk li wieġbu (24%) jemmnu li se jkunu saħansitra agħar fi żmien sena, filwaqt li 21% jaħsbu li jkunu aħjar.

F'Malta, 26% jemmnu li se jkunu aħjar, filwaqt li 11% jemmnu li se jkunu agħar.

Probabbilment xprunati minn dawn il-konsegwenzi perċepiti, iċ-ċittadini qed jindikaw prijorità politika ewlenija ġdida għall-Parlament Ewropew: 48% ta' dawk li wieġbu jridu l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali fuq nett tal-aġenda. Din hija l-ewwel prijorità fl-Istati Membri kollha tal-UE minbarra l-Finlandja, iċ-Ċekja, id-Danimarka u l-Isvezja, fejn il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata tiġi l-ewwel.

F'Malta wkoll għal 50% l-prijorità hija l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali.

Għall-medja tal-UE, il-miżuri għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità (35%), għall-aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd (33%) kif ukoll biex jiġi protett l-ambjent tagħna (32%) huma l-prijoritajiet segwenti. Għal Malta, it-tieni u t-tielet prijoritajiet huma miżuri biex jipproteġu l-ambjent u l-bijodiversità (41%), u miżuri biex jikkumbattu t-terroriżmu u l-kriminalità (37%) rispettivament, bl-aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd fir-raba’ post b’31%.

Bidla simili tidher ukoll fil-klassifikazzjoni miċ-ċittadini tal-valuri ewlenin li l-Parlament Ewropew għandu jiddefendi. Filwaqt li d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha (51%) u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (42%) jibqgħu fuq nett, is-solidarjetà bejn l-Istati Membri titla’ fit-tielet post b’41% ta’dawk li wieġbu jixtiequ li l-Parlament jiddefendi dan il-valur fuq l-oħrajn kollha, meta mqabbel ma’ 33 % sena ilu. Malta ssegwi l-istess tendenza, bl-ogħla prijorità lid-drittijiet tal-bniedem b'44%, iżda bl-ugwaljanza bejn is-sessi u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri flimkien fit-tieni post b'41%.

Il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli qal li l-messaġġ ta’ dan l-istħarriġ huwa ċar: "Iċ-ċittadini Ewropej jappoġġjaw l-Unjoni Ewropea u jaħsbu li l-UE hija l-post it-tajjeb fejn infittxu soluzzjonijiet għall-kriżi. Iżda jidher ċar li r-riforma tal-UE hija xi ħaġa li ċ-ċittadini jridu jaraw, u huwa għalhekk li rridu nibdew il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa malajr kemm jista' jkun."

More in Politika