Il-Parlament Ewropew jindika ġlieda kontra 'l-Wild West' fuq il-midja soċjali

MEPs jiddiskutu u jipproponu, fosthom it-tneħħija ta' riklamar partikolari fuq il-midja soċjali u liġi li tiddetta hi x'għandu jitneħħa minn fuq sit

Il-midja soċjali taħt il-lenti tal-Parlament Ewropew
Il-midja soċjali taħt il-lenti tal-Parlament Ewropew

Il-Membri Parlamentari Ewropej qed isejħu lill-Unjoni Ewropea biex tagħmel aktar sabiex tirregola l-midja soċjali, filwaqt li tissalvagwardja l-libertà tal-espressjoni u tevità ċ-ċensura.  Dan qaluh illum l-Erbgħa fid-dawl ukoll ta' avvenimenti fl-Istati Uniti tal-Amerika, MEPs li pparteċipaw f'dibattitu hekk kif l-UE qed taħdem fuq l-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) u l-Att dwar is-Swieq Diġitali (DMA).  Dawn se jirregolaw il-pjattaformi soċjali u jilleġiżlaw kontra kontenut illegali jew li jwassal għal ħsara. 

Filwaqt li faħħru dawn l-inizzjattivi l-MEPs li tkellmu qalu illi dawn ma għandhomx ikunu sempliċiment linji gwida imma jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali u l-libertà tal-espressjoni.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Věra Jourová  qalet illi id-DSA għandha l-għan li żżid il-kontabilità ta' dawn il-pjattaformi u tikkjarifika meta għandu jitneħħa kontenut illegali, inkluż kummenti ta' mibgħeda jew inċitar.  "Għandna bżonn inġibu l-ordni fl-espressjoni diġitali tad-demokrazija u biex inwaqqfu l-Wild West diġitali."

Skont l-MEP Marina Kaljurand mill-S&D il-miżuri kurrenti kontra d-diżinformazzjoni mhumiex biżżejjed biex jiġġieldu dak li sejħet bħala "assalt fuq id-demokrazija."  Hawnhekk hija siltet fatti li seħħew fuq in-naħa l-oħra tal-oċean, f'Capitol Hill u qalet illi l-prezz tad-diżinformazzjoni u l-mibgħeda onlajn issa huwa ċar.   Qalet illi kif l-UE kienet pijunier fil-leġiżlazzjoni li titratta il-GDPR, l-istess għandha tagħmel f'dan il-każ. 

Annalisa Tardino mill-ID qalet illi hemm bżonn ta' regoli ċari għal ġganti tal-internet li fakkret illi għandhom impatt fuq id-dinja u li sostiet illi "jidher li jkunu huma li jiddeċiedu liema messaġġi huma aċċettabbli jew le."  Tardin, MEP Taljana, sostiet ukoll li għandu jkun hemm qafas ċar fil-liġi, ta' proċeduri ċari ta' xinhu aċċettabbi u x'mhuwiex.  

L-MEP Alexandra Geese (Greens/EFA) qajmet il-punt li jitratta kumpaniji kbar li jitrattaw informazzjoni personali u hi wkoll qablet li dawn m'għandhomx jitħallew b'mod arbitrarju jiddeċiedu huma x'inhu aċċettabbli.  Dan filwaqt li sostniet illi r-rimedju huwa faċli, "ejja nipprojbixxu n-negozju tas-sorveljanza u dak il-mudell, billi nibdew nipprojbixxu r-riklamar li huwa immirat lejn il-persuna."  Hi kienet qed tirreferi għar-riklamar li jsir fuq il-midja soċjali u li jkun immmirat għall-persuna partikolari, wara li l-istess sit ikun evalwa il-passi ta' dik il-persuna fuq il-midja soċjali.  Dan ifisser - per eżempju -  illi jekk inti tikkumenta jew tagħfas 'like' jew ittella' ħafna ritratti relatati ma' safar, awtomatikament dak is-sit (bħal Facebook) jibda jitfgħalek riklami ta' aġenziji tal-ivvjaġġar, lukandi u aktar.  Din it-tattika ntużat politikament fil-każ tal-iskandlu Cambridge Analytica, li użat informazzjoni ta' utenti ta' Facebook - mingħajr il-permess tagħhom - għal skopijiet ta' riklamar politiku. 

L-MEP Magdalena Adamowicz (EPP) għamlet referenza għal protesti f'pajjiżha - il-Polonja - dwar taxxa fuq ir-riklamar filwaqt li l-MEP Dragoş Tudorache (Renew group) fakkar li ma hemmx id-dinja li hija onlajn u d-dinja li mhux u li d-drittijiet taċ-ċittadin għandhom ikunu mħarsa dejjem.  

F'isem il-Presidenza Portugiża Ana Paula Zacarias qalet illi l-UE tistenna li l-pjattaformi ta' midja soċjali jagħmlu l-parti tagħhom.  "Iżda huwa f'idejn l-istituzzjonijiet demokratiċi, il-liġijiet u l-Qrati biex joħolqu r-regoli u jiddefinixxu x'inhu legali jew le, x'għandu jitneħħa jew le." 

More in Politika