Kważi 22,000 siġra tħawlu madwar il-pajjiż fl-2020 minn Ambjent Malta

Fost l-ispeċi indiġeni li tħawlu kien hemm il-Bagular, Ħarrub, Siġra ta’ Ġuda, Ġummara, Għanżalor, Ċipress, Ġnibru, Siġar tar-Rand, Ċawsli, Tut u Riħan

Ritratt ta' wħud mis-siġar miżrugħa
Ritratt ta' wħud mis-siġar miżrugħa

Matul l-2020, Ambjent Malta ħawlet 21,808 siġar u arbuxelli, żieda fuq is-snin 2018 u 2019 fejn tħawlu 10,185 u 20,286 rispettivament. 

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia spjega li dawn is-siġar u arbuxelli indiġeni tħawlu fis-siti li tieħu ħsieb Ambjent Malta bil-għan li jkompli jitkabbar u jiġi rrestawrat l-abitat naturali ambjentali ta’ pajjiżna. 

Dawn is-siti jinkludu l-Buskett, Kemmuna, il-Forti tal-Madliena, Salina Park, Marsaxlokk Kavallerizza, is-Swatar, L-Aħrax tal-Mellieħa, fost l-oħrajn. 

“Bħala gvern mexjin lejn ippjanar iktar ħadrani, ekoloġiku u sostenibbli. L-isfida tat-tibdil fil-klima u l-bżonn li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu fl-urban b’mod partikolari kif ukoll il-ħtieġa li nipproteġu l-ambjent naturali tagħna, tinħass iktar minn qatt qabel. Din is-sena rajna l-ewwel green walls f’pajjiżna, iktar proġetti ta’ urban greening fil-lokalitajiet, iktar inċentivi għal proġetti ħodor: rivoluzzjoni fl-ippjanar ta’ pajjiżna, iżda wkoll iktar investiment fil-pajsaġġ naturali tagħna għall-gwadann tagħna u tal-ġejjieni”, qal il-Ministru Farrugia. 

L-ispeċi ta’ siġar indiġeni li tħawlu jinkludu: Imbrijagla, Bagular, Ħarrub, Siġra ta’ Ġuda, Ġummara, Għanżalor, Ċipress, Ġnibru, Siġar tar-Rand, Ċawsli, Tut, Riħan, Siġar taż-Żebbuġ, Olivastru, Żnuber, Deru, Siġar tal-Luq, Lewż, Rummien, Lanġas Bagħal, Ballut, Alaternu, Żafzafa, Sebuqa, Ġenista, Bruka, Siġar tal-Għargħar, Nemmiesa, Viburnum u Siġret il-Virgi. 

 

More in Politika