Infrastructure Malta tpoġġi f’postu pont ġdid bejn il-Marsa u Ħal Qormi

Fi stqrrija Infrastructure Malta qalet illi dan l-investiment ta’ €1.4 miljun se joħloq rotta aktar sigura għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota bejn diversi nħawi residenzjali fil-Marsa u l-qalba ta’ Ħal Qormi

Il-pont li ttella' lbieraħ
Il-pont li ttella' lbieraħ

It-Tlieta billejl, Infrastructure Malta poġġiet f’postu l-ewwel minn żewġ pontijiet li magħqudin flimkien se joħolqu passaġġ sigur ta’ 53 metru biex taqsam bil-mixi jew bir-rota minn fuq Triq it-Tiġrija, fil-Marsa.  

Il-kuntratturi tal-aġenzija użaw żewġ krejnijiet biex refgħu l-istruttura tal-azzar imdendla minn arkata (tied-arch bridge), twila 30 metru u tiżen 40 tunnellata u serrħuha fuq żewġ torrijiet li bnew fil-ġnub ta’ din it-triq b’erba’ korsiji li tgħaqqad Triq Diċembru Tlettax mal-Marsa-Ħamrun Bypass. 

Fi stqrrija Infrastructure Malta qalet illi dan l-investiment ta’ €1.4 miljun se joħloq rotta aktar sigura għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota bejn diversi nħawi residenzjali fil-Marsa u l-qalba ta’ Ħal Qormi.  "Se jelimina l-periklu eżistenti tul rotta pedonali mfittxija ħafna mill-qalba tal-Marsa (l-inħawi ta’ Triq il-Jum u Triq il-Marsa) lejn diversi żoni fil-Marsa u Ħal Qormi fuq in-naħa l-oħra ta’ Triq it-Tiġrija, li jinkludu l-Marsa Park and Ride u l-venda tal-karozzi tal-linja (Triq l-Iljun, Ħal Qormi), il-Marsa Sports Grounds u bosta nħawi oħra industrijali, kummerċjali u residenzjali Ii hemm fil-viċin. "

Lentità fakkret li biex jilħqu dawn id-destinazzjonijiet bil-mixi, bħalissa ħafna jkollhom jaqsmu l-ħames korsiji ta’ Triq it-Tiġrija u n-niżliet li hemm biswitha, minn qalb il-karozzi għaddejjin, peress li m’għandha l-ebda mezz sigur għall-qsim pedonali. 

Tliet xhur ilu, l-aġenzija nediet l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, li tinkludi l-bini taż-żewġ torrijiet li fuqhom iserraħ il-pont ta’ 30 metru li jaqsam minn fuq Triq it-Tiġrija. It-tieni fażi, li hija skedata li titlesta sa tmiem din is-sena, se tinkludi l-bini tat-tieni pont li se jieħu post iż-zebra crossing li hemm fin-niżla b’korsija waħda li tgħaqqad il-karreġġjata tan-nofsinhar fi Triq it-Tiġrija ma’ Triq Diċembru Tlettax, lejn il-Belt Valletta. Din l-istruttura ta’ 23 metru se tgħaqqad Triq il-Jum, fil-Marsa direttament mal-gverta tal-pont tal-azzar li tpoġġa fil-post it-Tlieta billejl. Iż-żewġ pontijiet se jkollhom turġien u liftijiet spazjużi biex ikunu aċċessibbli b’mod komdu għal kulħadd.  

Fl-2020, Infrastructure Malta investiet €5.9 miljun biex bniet tliet pontijiet ġodda għall-mixi u r-roti fi Blata l-Bajda (Triq San Ġorġ Preca), Ħal Luqa (Vjal l-Avjazzjoni) u Raħal Ġdid (Triq Dom Mintoff). Bħalissa qed tlesti l-aħħar xogħlijiet fuq żewġ pontijiet pedonali oħra u mina għal dawk li jivjaġġaw bil-mixi, b’tal-linja jew bir-rota minn Triq Aldo Moro, il-Marsa u Vjal Sir Paul Boffa, Raħal Ġdid, bħala parti mill-Marsa Junction Project. Ftit tal-ġimgħat ilu, l-aġenzija fetħet ukoll subway ġdida taħt Triq Tal-Barrani, biex ħolqot rotta aktar sigura bejn Santa Luċija u Ħal Tarxien.

Qed tippjana proġetti simili b’konnessjonijiet aktar siguri għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar fil-Furjana, fl-Imsida kif ukoll fl-Imrieħel.  

More in Politika