Delia jappella lill-PM u lill-kabinett biex ma jkunux kompliċi ma' Konrad Mizzi

Delia saħaq li wara x-xhieda tal-lum il-kabinett għandu jieħu l-pass drastiku meħtieġ biex it-tliet sptarijiet jerġgħu jgħaddu f'idejh

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li l-Gvern immexxi minn Joseph Muscat kien aċċetta li jserraħ ras Steward Healthcare billi joffri garanzija li se tiswa lill-poplu €100 miljun jekk il-Qorti tiddikjara null il-konċessjoni għall-isptarijiet San Luqa u Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Delia kien qed jikkummenta quddiem il-Qorti wara x-xhieda tal-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Segretarju Permanenti Ronald Mizzi, li insista li ma kellu l-ebda idea dwar din il-klawżola kontroversjali fi ftehim bejn il-Gvern, Steward u l-Bank of Valletta.

Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li mix-xhieda tal-lum ħareġ ċar li wara li hu fetaħ din il-kawża, il-Gvern, flok għamel dak li kellu jagħmel, iddeċieda li jserraħ ras kumpanija privata barranija b’garanzija ta’ €100 miljun f’każ li l-l-Qorti tiddeċiedi kontra dan il-ftehim.

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni kkritika wkoll lill-eks Ministru Konrad Mizzi li llum irrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet kollha li sarulu, għax diġà hemm inkjesta maġisterjali dwar dan il-każ.

Delia saħaq li wara dak li ħareġ illum fil-Qorti, qed jistenna lill-Prim Ministru, lid-Deputat Prim Ministru u lill-Kabinet kollu biex jagħmlu l-pass li hemm bżonn biex il-Gvern jieħu lura f’idu t-tliet sptarijiet.

‘Jekk ma jagħmlu xejn, se jkunu kompliċi ma’ Konrad Mizzi f’din is-seqa ta’ proprjetà pubblika,” insista Delia.

More in Politika