Filmat | 'Ma nirrispondix' - Konrad Mizzi għal kull mistoqsija ta' Delia fil-każ tal-VGH

Illum kompla l-każ li fetaħ Adrian Delia biex ikun iddikjarat null il-ftehim tal-Gvern mal-VGH

L-eks Ministru Konrad Mizzi
L-eks Ministru Konrad Mizzi

L-eks Ministru għas-Saħħa Konrad Mizzi għażel li ma jwieġeb l-ebda mistoqsija tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia hekk kif illum tela' jixhed fil-Qorti fil-każ li l-istess Delia fetaħ biex ikun iddikjarat null il-ftehim tal-Gvern mal-VGH.

Madanakollu, is-seduta spiċċat kważi kważi 'farsa' meta Konrad Mizzi għażel li ma jweġibx għall-ebda mistoqsija li saritlu.

Stqarrija tal-Onor. Konrad Mizzi Illum fil-Qorti tajt din l-istqarrija taħt ġurament fil-każ ta' Adrian Delia kontra...

Posted by Konrad Mizzi on Monday, 8 February 2021

Mizzi insista li jippreferi ma jwieġeb xejn anke għax dwar l-istess suġġett għaddejja inkjesta maġisterjali u li fiha hu diġà xehed.

'Ladarba din l-inkjesta tiġi konkluża, jiena inkun feliċi li nkompli nagħti x-xhieda tiegħi fil-kawża ta' Adrian Delia,' insista Mizzi fi stqarrija.

Edward Debono, l-Avukat ta' Delia, pprova xorta waħda jpoġġi sensiela ta' mistoqsijiet lil Mizzi iżda l-eks Ministru baqa' ma jweġibx.

Qal biss: 'Ma għamilt xejn ħażin. Nippreferi ma nweġibx biex ma nikkriminalizzax lili nnifsi." Saħanistra qal li qed iħoss li d-drittijiet fundamentali tiegħu qed jiġu miksura.

Jinsisti li kollox sar bl-approvazzjoni tal-kabinett

Mistoqsi mill-ġurnalisti malli ħareġ mill-Qorti, Konrad Mizzi insista li l-affarijiet saru sew u dejjem kien hemm l-approvazzjoni tal-Kabinett.

Tenna li bħalissa għaddejja inkjesta maġisterjali u lest jixhed biss wara li din tkun konkluża.

Iżda jekk Konrad Mizzi għażel li jibqa' sieket, qablu xehed Ronald Mizzi, li kien Segretarju Permanenti tiegħu meta hu kien Ministru għas-Saħħa. 

Tul ix-xhieda ħareġ li kollox jindika li kien Konrad Mizzi waħdu li rabat lill-Gvern bil-klawżola ta' €100 miljun li għandhom jirċievu Steward Healthcare f'każ li l-konċessjoni titħassar, inkluż b'ordni mill-Qorti.

Ronald Mizzi insista li kien it-tim legali tal-Ministeru biss li kien involut fin-negozjati bejn Steward u l-Bank of Valletta.

Madanakollu l-istess Ronald Mizzi deher li ma kellu l-ebda idea dwar din il-klawżola kontroversjali.

Qal biss li l-BOV kellu ftit tħassib dwar dan il-każ u x'kien se jiġri f'każ li l-Qorti tiddikjara dawn il-kuntratti nulli jew inkella jinbidel il-Gvern u jwaqqaf il-konċessjoni. Kien għalhekk, li fi kliem Ronald Mizzi, il-bank ried aktar assigurazzjoni.

Mistoqsi minn Delia min seta' kien jaf b'din il-klawżola, Ronald Mizzi qal li ħadd inqas mill-pożizzjoni tiegħu ma kien involut fin-negozjati.

Aktar tard, meta tpoġġew quddiemu aktar mistoqsijiet, qal li sar jaf bil-klawżola meta rċieva memo mill-Kabinett.

Aqra aktar:

More in Politika