L-MEPs se jiddiskutu l-pjan Ewropew ta' rkupru mill-pandemija b'investiment ta' €750 biljun

Il-Parlament Ewropew mistenni jiddiskuti pakkett ta' għajnuna lill-Istati Membri, b'aċċenn fuq l-Ekonmija l-Ħadra u dik Diġitali, sabiex l-ekonomiji jibdew jirkupraw ...

Fis-sessjoni plenarja ta' Frar il-Membri Parlamentari Ewropej se jkunu qed jivvutaw fuq ir-regoli li se jistabilixxu l-Faċilità ta' Rkupru u Reżiljenza tal-UE - li huwa pjan ta' rkupru mill-pandemija Covid-19 u li se jiswa' €750 biljun.  

Dan il-programm se jkun qed joffri appoġġ fuq skala enormi lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għall-investiment u riformi meħtieġa biex jilqgħu għall-konsegwenzi tal-pandemija u jippreparaw lill-ekonomiji Ewropej għal futur sostenibbli u diġitali. 

Il-flus se jkunu aċċessibbli għall-Istati Membri bħala self u għotijiet, b'€312.5 biljun ikunu għotijiet mogħtija fuq diversi kriterji.  Fil-fażi inizzjali dawn se jinkludu popolazzjoni, il-Prodott Gross Domestiku ras għal ras u l-qgħad fis-snin ta' bejn l-2015 u l-2019.  Se jieħu kunsiderazzjoni wkoll l-istat ekonomiku tal-pajjiż matul is-sena 2020 u l-2021. 

Minn naħa l-oħra s-self li se tagħti l-Unjoni Ewropea se tkun fuq ir-rikjesta tal-Istat Membru u se jilħaq sa total massimu ta' €360 biljun.  Pajjiż jista' jissellef sa 6.8% tal-Prodott Gross Domestiku. 

Fhiex se jiġu investiti dawn il-flus?

Fin-negozjar mal-Kunsill Ewropew, l-MEPs qed jinsistu li l-Istati Membri jużaw il-flus skont il-prioritajiet tal-UE.  MEPs ċċaraw illi dawn il-flus mhux se jkunu bħal ATM għal pajjiżi biex jonfquhom, fuq aġendi domestiċi. 

Din il-Faċilità ta' Rkupru u Reżiljenza se tappoġġja sitt setturi, prinċipalment.  Dawn huma:  It-tranżizzjoni għal ekonomija ħadra,  trasformazzjoni diġitali, tkabbir ekonomiku li jkun għaqli, sostenibbli u inklussiv, koeżjoni soċjali u territorjali, reżilejnza għal kriżijiet li jistgħu jinqalgħu u l-politika li titratta l-edukazzjoni u l-ħiliet. 

Kull pajjiż - inkluż Malta, naturalment - iridu jallokaw 37% tal-baġit għall-klima u l-biodiversità u 20% oħra għal miżuri favur ekonomija diġitali.  Ir-regoli se jipprojbixxu fondi li jmorru għal proġetti li jagħmlu ħsara lill-ambjent. 

Biex pajjiżi jkunu jistgħu jirċievu din l-għajnuna jeħtieġ jippreparaw pjan ta' rkupru u reżiljenza u jipproponu sett ta' riformi u proġetti ta' investiment pubbliku li jridu jkunu implimentati sal-2026.  Il-Kummissjoni Ewropea imbagħad tagħmel assesjar tal-pjani u ttella' proposta għal għotjiet u self ta' kull pajjiż quddiem il-Kunsill. 

Il-ħlas isir ladarba it-tragwardi ta' kull Stat Membru jintlaqħu. 

Il-Parlament Ewropew intant talab għal aktar trasparenza biex b'hekk issa l-proposti tal-Kummissjoni se jgħaddu wkoll għandu, flimkien mal-Kunsill. 

Siegfried Muresan, MEP Rumen li ħadem fuq din il-materja, laqa' l-involviment tal-Parlament f'kull stadju.  "Dawn huma aħbarijiet sbieħ u bl-involviment tal-Parlament il-Faċilità ta' Rkupru u Reżiljenza se jkollha leġittimità demokratika sħiħa."

More in Politika