Ix-xogħol fuq 68 appartament ta' akkomodazzjoni soċjali f'Bormla miexi 'b'rittmu mgħaġġel'

Dan il-proġett jikkonsisti f’sitt blokok, 68 appartament, 117-il spazju ta’ parkeġġ, childcare centre u ċentru għall-komunità. Il-proġett se jintroduċi wkoll spazju miftuħ ta’ 850 metru kwadru 

Il-Ministru Galdes f'konferenza fuq is-sit f'Bormla
Il-Ministru Galdes f'konferenza fuq is-sit f'Bormla

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes żar il-proġett ta’ housing soċjali ġdid fi Triq Hanover f’Bormla hekk kif ix-xogħol tal-ġebla fih qed jipprogressa b’ritmu mgħaġġel.

Dan il-proġett jikkonsisti f’sitt blokok, 68 appartament, 117 spazju ta’ parkeġġ, childcare centre u ċentru għall-komunità. Il-proġett se jintroduċi wkoll spazju miftuħ ta’ 850 metru kwadru li jinkludi pjazza ġdida għar-residenti, mhux biss tal-appartamenti iżda għall-Bormliżi kollha.

Il-Ministru Roderick Galdes fakkar fid-differenza li proġetti ta’ housing soċjali li saru fil-passat fil-belt storika ta’ Bormla għamlu fil-ħajja ta’ eluf ta’ familji li kienu ngħataw il-kenn li jixraqilhom.

“Dawn is-suċċessi nazzjonali kienu possibbli għax gvernijiet suċċessivi wettqu proġetti kbar ta’ housing soċjali u affordabbli li juri kemm bħala pajjiż dejjem fhimna li l-istabbiltà fil-housing tagħti bażi soda għall-progress soċjali tal-bniedem”. Huwa spjega li anke llum ma nistgħux ninjoraw ir-realtajiet ta’ faxex speċifiċi tas-soċjetà li jeħtieġu akkomodazzjoni adekwata.

“Kien għalhekk li xammarna l-kmiem sa mill-bidu biex naċċertaw li jiġu indirizzati sfidi ta’ familji differenti b’soluzzjonijiet differenti. Kien għalhekk li żviluppajna firxa wiesgħa ta’ servizzi pubbliċi ta’ housing li qegħdin jgħinu lil diversi faxex tas-soċjetà. Madanakollu, nirrikonoxxu li l-akkomodazzjoni soċjali tibqa’ l-aktar għodda effettiva biex jingħelbu l-isfidi ta’ familji u ta’ individwi vulnerabbli”.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malita Investments Jennifer Tabone qalet li, “Il-kumpanija kburija ħafna li qed tiffinanzja proġett bħal dan li mhux biss huwa ta’ importanza nazzjonali iżda li qiegħed jagħti opportunità lill-familji Maltin jaċċessaw akkomodazzjoni affordabbli”.

Il-proġett ġie wkoll rikonoxxut fil-Malta Architectural & Spatial Awards għas-sena 2019 bħala l-proġett rebbieħ fil-kategorija ‘Urban Planning Concept’. 

More in Politika