Aġġornata | Bundy jirbaħ mal-€226,000 f'kumpens wara 'tkeċċija inġusta' mill-PBS

Bundy kien tkeċċa mill-Bord tad-Diretturi minn Kap Eżekuttiv wara awditjar fuq ftehim dwar karozzi mikrija mill-istazzjon ...

L-eks CEO tal-PBS John Bundy
L-eks CEO tal-PBS John Bundy

Il-preżentatur u eks Kap Eżekuttiv tal-PBS John Bundy rebaħ każ li fetaħ hu stess quddiem it-Tribunal Industrijali, kontra l-istazzjon nazzjonali illi fih hu qal li ġie mkeċċi mill-kariga mill-Bord tad-Diretturi b'mod inġust.  Iktar kmieni llum it-Tribunal sab illi t-tali tkeċċija kienet fil-fatt inġusta. 

Il-Bord tad-Diretturi tal-PBS kien keċċa lil Bundy f'Novembru 2017, b'deċiżjoni unanima wara investigazzjoni minn kumpanija ta' awdituri li kienet mitluba tinvestiga allegati irregolaritajiet f'kuntratti li kienu intrebħu fiż-żmien meta Bundy kien Kap Eżekuttiv.  L-awditjar kien dwar kiri ta' nofs miljun ewro fuq karozzi, liema kiri kien instab illi kiser ir-regoli skont dan l-istess awdtijar.  Hu kien ilu biss fil-kariga 14-il xahar. 

It-Tribunal iddeċieda illi bħala kumpens jagħti lil Bindy madwar €226,000.

Ir-rapport li kien ikkummissjonat mid-Diretturi tal-PBS jgħid illi l-ftehim ta' €500,000 fuq karozzi, li inkludew dik ta' Bundy bħala Kap Eżekuttiv u dik tal-eks Kap tal-Aħbarijiet Natalino Fenech li kien issekondat l-Università ta' Malta, qatt ma kienu approvati mill-bord. 

Bundy kien beda l-karriera tiegħu fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista (Radio 101), iżda biż-żmien tbiegħed minn dan il-partit biex fl-2013 kien deher f'attività tal-Partit Laburista jintervista lill-eks PM Joseph Muscat.  Hu kien jippreżenta programm fuq it-TV tal-Partit Laburista (ONE) u f'dawn l-aħħar ġimgħat reġa' beda jxandar, permezz ta' programm fuq ONE Radio. 

More in Politika