Il-Fond Soċjali tal-UE ... dak li jgħid dwar it-tfal, il-faqar u l-qgħad

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew fi ftehim dwar il-Fond Soċjali tal-UE

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew laħqu ftehim għal qbil fuq il-Fond Soċjali tal-Unjoni Ewropea li jikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali, il-ħolqien tax-xogħol u l-ġlieda kontra l-faqar.  Fil-fatt dan il-ftehim - li responsabbli għalih minn naħa tal-Parlament Ewropew kien l-MEP Malti David Casa - jiggarantixxi investiment biex jiġi miġġieled il-faqar fost it-tfal, se jassigura illi 3% tal-baġit allokat jintefqu fuq għajnuna għal-ikel u assistenza bażika, filwaqt li kwart tal-baġit allokat  se jmur għall-inklużjoni soċjali, inkluż integrazzjoni ta' nies minn pajjiżi terzi.

Dan il-Fond se jammonta għal ftit inqas minn €88 biljun u se jkopri is-snin 2021 sal-2027. 

X'fih eżattament dan il-ftehim? 

Skont dan il-ftehim pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn in-numru ta' tfal f'riskju għoli ta' faqar huwa akbar mill-medja Ewropea jridu jonfqu 5% tal-fondi fuq riżorsi li jikkontribwixxu għall-aċċess tat-tfal għal saħħa, edukazzjoni u childcare mingħajr ħlas, filwaqt li jassiguraw housing diċenti u nutrizzjoni adegwata.  Stati Membri oħrajn ukoll jeħtieġ jinvestu parti minn dawn il-fondi fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal.

L-istati membri jridu jindirizzaw ukoll il-qgħad fost iż-żgħażagħ fin-nefqa ta' dan il-Baġit, problema li l-MEPs ifakkru illi ggravat minħabba l-kriżi tal-Covid-19.   F'pajjiżi fejn il-qgħad fost iż-żgħażagħ jew inkella r-rata ta' dawk li la huma f'impjieg, f'edukazzjoni u lanqas xogħol (NEET) hija ogħla mill-medja tal-UE, 12.5% tal-fondi jeħtieġ imorru fuq il-ġlieda kontra il-qgħad fost iż-żgħażagħ.  Dawn jistgħu jmorru f'miżuri ta' edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ, fl-apprentistat kif ukoll fuq skemi li jgħinu fit-tranżizzjoni bejn l-iskola u x-xogħol. 

 

 

More in Politika