AstraZeneca tgħid li se jkun hemm dewmien fil-konsejni tal-vaċċin; L-UE thedded bl-esportazzjoni

Il-kumpanija AstraZeneca infurmat lill-UE li se jkun hemm 'dewmien konsiderevoli' fl-ewwel kwart tas-sena

L-Unjoni Ewropea qed thedded li twaqqaf l-esportazzjoni tal-vaċċin barra mill-Istati Membri u dan wara li l-kumpanija AstraZeneca qalet li se jkun hemm dewmien għal diversi ġimgħat min-naħa tagħha biex twassal id-dożi li dwarhom kien intlaħaq ftehim.

Il-kumpanija qalet lill-Kummissjoni Ewropea li mistenni jkun hemm dewmien fil-konsenji fl-ewwel kwart ta' din is-sena u dan ftit jiem wara li anke l-kumpanija Pfizer qalet l-istess.

Skont il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, Stella Kyriakides, ir-raġunijiet li qed tagħti l-kumpanija mhumiex sodisfaċenti. Fil-fatt, ilbieraħ saret laqgħa virtwali bejn l-uffiċjali tas-saħħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri u anke uffiċjali tal-kumpanija.

"L-Unjoni Ewropea se tkun qed tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa biex tipproteġi ċ-ċitaddini tagħha," qalet il-Kummissjoni.

Insistiet li r-risposta tal-kumpanija, li se tkun qed tibgħat "ammont konsiderevoli inqas ta' dożi" minn dak maqbul, "mhuwiex aċċettabbli" waqt li fakkret li l-Unjoni Ewropea kellha sehem importanti fil-finanzjament għall-iżvilupp ta' dan l-istess vaċċin.

AstraZeneca għandha impjant fl-Olanda, filwaqt li Pfizer għandha wieħed fil-Belġju.

Fil-fatt, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina kellha tirrakkomanda aktar tard din il-ġimgħa l-vaċċin ta' AstraZeneca biex il-vaċċin tagħha jkun it-tielet wieħed approvat għall-użu fl-Unjoni Ewropea.

Malta għandha miljun doża allokati minn dan il-vaċċin, biżżejjed biex tagħti ż-żewġ dożi meħtieġa lil 500,000 persuna.

More in Politika