Il-Ministru Schembri kiser l-etika meta ppubblika stqarrija partiġġjana permezz tad-DOI

Hekk ikkonkluda l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Hyzler

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Hyzler, qal li stqarrijiet uffiċjali maħruġin permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) m’għandhomx jinkludu kontenut ta’ natura politika u partiġġjana.

Hyzler qal dan f’rapport wara li investiga lment mingħand il-Professur Kevin Cassar kontra l-Ministru Silvio Schembri u dan wara stqarrija maħruġa mill-Ministru permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni fit-8 ta’ Ottubru 2020.

Il-Kummissarju sab li l-ħruġ tal-istqarrija kien jirrappreżenta ksur ta’ etika min-naħa tal-Ministru Silvio Schembri, ġaladarba l-ministri huma obbligati jirrispettaw in-newtralità politika tas-servizz pubbliku.

Hyzler insista li sew il-ministri u sew il-membri tal-Oppożizzjoni jistgħu jużaw mezzi ta’ komunikazzjoni personali jew tal-partit biex joħorġu stqarrijiet partiġġjani, iżda “jkun abbuż” jekk id-Dipartiment tal-Informazzjoni jintuża għal dan il-għan.

Għalhekk il-Kummissarju laqa’ l-ilment u għalaq il-każ wara li l-Ministru Schembri kitiblu biex jirrikonoxxi li l-istqarrija li kien ħareġ “setgħet titqies partiġġjana żżejjed” u biex jintrabat li “jagħmel kull sforz biex jevita stqarrijiet simili meta dawn jinħarġu permezz tad-DOI”.

Il-Kummissarju kien tal-fehma li din ir-risposta tal-Ministru kienet rimedju suffiċjenti fiċ-ċirkostanzi tal-każ, iżda wissa li jekk jinqalgħu każi simili fil-futur jitqiesu ta’ natura aktar gravi.

Fakkar li huwa diġà kkunsidra l-mod ta’ kif il-Ministri jużaw id-Dipartiment tal-Informazzjoni permezz ta’ rapport li huwa ħareġ f’Awwissu tal-2019.

Il-Kummissarju tenna r-rakkomandazzjoni li kien għamel f’dak ir-rapport sabiex id-Dipartiment tal-Informazzjoni jfassal policy biex jiddetermina x’tip ta’ kontenut huwa aċċettabbli fi stqarrijiet li jkunu maħsuba biex jiġu ppubblikati minnu.

More in Politika