Il-Parlament Ewropew b'vot qawwi favur rapport ta' Agius Saliba dwar il-qasam tax-xogħol

Il-Parlament Ewropew jivvota b'472 vot, favur rapport ta' Alex Agius Saliba dwar ir-Right to Disconnect

Il-Parlament Ewropew approva b'vot qawwi ir-rapport tal-MEP Malti Aex Agius Saliba favur id-dritt li wieħed jaqta' mix-xogħol billi ma jweġibx emails jew jirċievi telefonati, per eżempju, fil-ġranet illi matulhom ma jkunx xogħol.  Din hija magħrufa bħala 'Right to disconnect.'

 Fil-vot kien hemm 472 voti favur, 126 kontra u 83 li astenew.

F’kummenti li ta wara l-votazzjoni fuq ir-rapport, il-MPE tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Alex Agius Saliba qal li l-vot tal-lum huwa "pass storiku għall-ħaddiema Ewropej. Aħna poġġejna fuq l-Aġenda Ewropea d-dritt tal-ħaddiema kollha li jiskonnettjaw fil-ħin liberu tagħhom.”

Agius Saliba nnota b’sodisfazzjon kbir li l-Parlament għamel xogħlu, u appella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali Schmit biex jaġixxu immedjatament u jressqu proposta leġiżlattiva dwar dan id-dritt. Huwa żied jgħid li l-impatt reali fuq id-drittijiet tal-ħaddiema tant meħtieġa fid-dinja diġitali jistgħu jiġu żgurati biss permezz ta’ leġislazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

“Il-pandemija COVID-19 biddlet b’mod fundamentali l-mod kif naħdmu. Issa aktar minn wieħed minn kull tliet ħaddiema Ewropej qed jaħdem mid-dar. Il-pressjoni biex tkun dejjem ‘on', dejjem aċċessibbli, qed tikber. L-għodod diġitali jagħmluha partikolarment diffiċli li nieqfu naħdmu fil-ħin liberu tagħna. Aħna lkoll nafu s-sensazzjoni ta’ pressjoni kostanti biex niċċekkjaw jew inħossuna obbligati li nwieġbu emajls u messaġġi relatati max-xogħol, u nkunu preokkupati li l-attenzjoni immedjata tagħna hija meħtieġa.”

 

More in Politika