L-iskejjel tal-Knisja jikkundannaw lill-UPE; Jitolbu lill-ġenituri biex isegwu biss l-istruzzjonijiet mogħtija mill-iskejjel

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja qalu li l-aġir tal-UPE qed joħloq paniku u ansjetà bla bżonn fost l-istudenti, il-ġenituri u l-edukaturi

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja (CSA) kkundannaw dak li sejħulu bħala aġir irresponsabbli tal-Union of Professional Educators (UPE) meta qed tippubblika informazzjoni fil-paġna tagħha fuq Facebook dwar każijiet tal-COVID-19 fl-iskejjel tal-Knisja.

"Dan l-aġir qed joħloq paniku u ansjetà bla bżonn fost l-istudenti, il-ġenituri u l-edukaturi," saħqu l-iskejjel tal-Knisja.

Fi stqarrija, is-Segretarjat insista li l-iskejjel tal-Knisja qed jagħmlu minn kollox biex jinfurmaw lill-ġenituri u l-istaff tal-iskejjel b’dak li qed isir meta jkun hemm każ pożittiv fl-iskejjel.

"Dan qed isir b’mod trasparenti sabiex dejjem jiġi żgurat li s-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti u tal-istaff jibqgħu prijorità fl-iskejjel," tkompli l-istqarrija.

Kompliet tgħid li l-iskejjel tal-Knisja ilhom minn Settembru li għadda jisħqu li tali stqarrijiet mill-UPE ma jagħmlux ġid għas-sitwazzjoni ta’ bħalissa. 

"Għaldaqstant, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja jappellaw lill-ġenituri sabiex jibqgħu f’kuntatt mal-iskejjel ta’ wliedhom sabiex ikollhom informazzjoni oġġettiva dwar il-każijiet tal-COVID-19 u l-proċeduri ta’ sigurtà fl-iskejjel. F’dan iż-żmien ta’ sfida, l-iskejjel tal-Knisja se jibqgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-ħarsien tas-saħħa sabiex ikomplu jipprovdu d-dritt għall-edukazzjoni lil aktar minn 17,000 student," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika