Chris Said jappella lill-Gvern biex ikun ċar dwar x'miżuri se jieħu għal jiem tal-Karnival

Il-Kelliem tal-PN għal Għawdex jisħaq li sa issa l-Gvern "qal ħafna li ma jfisser xejn" dwar l-influss mistenni għall-jiem li normalment fihom isir il-Karnival

Id-Deputat tal-PN Chris Said
Id-Deputat tal-PN Chris Said

"Il-Gvern għandu jkun ċar minn issa dwar x'miżuri se jieħu għall-jiem tal-Karnival.  L-Għawdxin għandhom ikun jafu minn issa x'qed jsir biex titħares is-saħħa tagħhom."  Hekk sostna il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Chris Said f'messaġġ fuq Facebook aktar kmieni llum. 

Said qal illi bħalissa fl-Isptar ta' Għawdex hemm l-ogħla numru ta' pazjenti, "u dan in-numru qed jiżdied kuljum."  Said għalhekk qal li ma jagħmilx sens li l-Gvern jgħid ħafna kliem li - skont hu - "ma jfisser xejn u ma jwassal għal xejn." 

"L-operaturi fil-qasam tal-ospitalità f'Għawdex ma għandhomx jitħallew fl-għama. Għandhom ikunu jafu minn issa wkoll x'miżuri se jittieħdu," qal il-kelliem Nazzjonalista li sostna illi r-responsabilità titlob deċiżjonijet f'waqthom filwaqt li l-inkompetenza, "tħalli d-deċiżjonijiet fuq l-ixkaffa."

Qed ikun rrappurtat illi għal jiem li matulhom normalment ikun iċċelebrat il-Karnival se jerġa jkun hemm influss ta' nies lejn Għawdex, simili għal dak li kien hemm fl-Ewwel tas-sena.  Il-gazzetta ILLUM kienet irrappurtat dwar farmhouses li kienu kollha fully booked għal jiem tal-aħħar tas-sena.  Dan minkejja li kull attività marbuta mal-Karnival Għawdxi, inkluż tan-Nadur, ġiet ikkanċellata. 

More in Politika