'Malta issa l-aktar pajjiż fl-UE li qed tħaffef il-proċess tat-tilqim kontra l-Covid-19' - Fearne

Intant, f'intervista ma' Euronews, Fearne saħaq li l-mira ta' Malta hija li sal-aħħar ta' Settembru tkun tat it-tilqima lil 70% tal-popolazzjoni

Id-Deputat Prim Minstru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li issa Malta hija l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li qed tħaffef il-proċess tat-tilqim kontra l-Covid-19.

Fearne qal dan fuq Twitter hekk kif xerred grafika ppubblikata mis-sit Our World in Data.

Skont din l-informazzjoni, meta wieħed iħares lejn it-tilqim mogħti għal kull 100 persuna, Malta qabżet lid-Danimarka u tinsab fuq nett tal-lista.

Sal-bieraħ, f'Malta, kien hemm 14,276 persuna li ħadu t-tilqima kontra l-Covid-19. Il-maġġoranza għadhom ħadu biss l-ewwel doża tal-vaċċin, iżda issa l-ewwel persuni li rċevew il-vaċċin bdew jieħdu wkoll it-tieni doża.

Intant, f'intervista ma' Euronews, Fearne saħaq li l-mira ta' Malta hija li sal-aħħar ta' Settembru tkun tat it-tilqima lil 70% tal-popolazzjoni.

Qal ukoll li sal-aħħar ta' Marzu, dawk kollha li għandhom 'il fuq minn 80 sena u l-ħaddiema kollha tas-saħħa se jkunu tlaqqmu, biex sa Mejju, jkunu tlaqqmu wkoll dawk li għandhom 'il fuq minn 70 sena u l-persuni kollha li huma vulnerabbli. Saħaq li dawn għandhom ikunu l-miri tal-Unjoni Ewropea kollha.

Insista li dawn il-miri huma "realistiċi iżda ambizzjużi."

More in Politika